Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura l-wirja dwar Il-Porċellana tal-Inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18 li qiegħda tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.
“Din il-wirja hija mod ieħor kif nitfgħu dawl fuq l-aspetti storiċi ta’ pajjiżna li forsi m’humiex daqshekk magħrufa, hekk kif nesploraw il-ħajja tal-Inkwiżitur permezz tal-porċellana, li kien meqjus bħala materjal tal-elit fis-seklu 18. Parti mill-istrateġija kulturali tagħna hija li niżguraw li l-komunità tagħna jkollha aċċess għall-istorja u l-wirt tagħna.” stqarr il-Ministru Owen Bonnici waqt it-tnedija.
Il-wirja hija mod innovattiv ta’ kif qegħdin jiġu ppreżentati materjali arkeoloġiċi misjuba fi skavi li seħħu fl-1998 ta’ fossa u kif ukoll minn sejibet oħra fil-parti tal-ħabs li saru aktar tard.
Din il-wirja ġġib flimkien id-dixxipplini tal-arkeoloġija, storja tal-arti u l-antropoloġija storika, u titfa dawl b’mod speċifiku fuq grupp ta’ porċellana bikrija – grupp ta’ artefatti privileġġati li jagħtuna l-possibbiltà li nesploraw il-karattersitiċi kulturali u raffinati tal-istabbilment tal-Inkwiżitur f’Malta tas-seklu 18.
Ir-riċerka u l-analiżi ta’ dawn is-sejbiet għamluha possibbli biex dawn l-artefatti jiġu esibiti għall-ewwel darba b’tipoloġija ġdida ta’ informazzjoni storika għall-Palazz tal-Inkwiżitur – il-kultura arkeoloġika materjali tagħha.
Fi żmien is-seklu 18, il-porċellana kienet sinonima ma’ drawwiet tal-ikel tal-eliti u kienet tinżamm f’residenzi ta’ nies b’saħħithom, li jinkludu l-Palazz tal-Inkwiżitur.
Il-wirja tiffoka fuq grupp żgħir iżda importanti tal-porċellana u frammetti ta’ artefatti magħmula mill-ġebel misjuba fil-Palazz tal-Inkwiżitur – l-unika kumpless Inkwiżitorjali Barokk li għadu miftuħ għall-pubbliku fl-Ewropa.
Il-Porċellana tal-inkwiżitur f’Malta tas-Seklu 18 hija parti minn studju li għaddej bħalissa li se jirriżulta fi fehim aħjar tal-istabbilment Inkwiżitorjali f’Malta. Il-wirja qiegħda tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur u hija miftuħa għall-pubbliku sal-31 ta’ Diċembru 2019. Id-dħul huwa inkluż mal-biljett regolari tal-mużew.