L-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura wirja artistika bl-isem “Reaching for the Spirit – 20th Century Images of the Religious and the Spiritual”, ġabriet ta’ arti minn artisti Maltin ta’ fama.
Fl-indirizz tiegħu l-Ispeaker qal li din il-wirja tiġbor flimkien ix-xogħlijiet tat-tliet artisti Maltin; Carmelo Mangion, Antoine Camilleri u George Fenech. Huma juru u jixhdu l-għeruq spiritwali tagħhom, mergħa ta’ fidi ġenwina u awtentika fil-Mulej Ġesù. FiH huma fittxew is-sliem u l-paċi, il-ferħ u s-serħan, l-altruwiżmu, il-fejqan u l-armonija.
L-Ispeaker kompla jgħid illi kull bniedem jista’ jixxennaq għal dawn l-affarijiet sbieħ u għalkemm diversi huma dawk li jħabirku għal xi għan nobbli tul ħajjithom, ma jaslux sabiex jiskbu l-għan altruwistiku tagħhom, jiġifieri, il-ġustizzja soċjali.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia kkonkluda billi appella sabiex il-poplu Malti juri solidarjetà maż-żgħar u l-fqar tas-soċjetà filwaqt li awgura lil poplu Malti u Għawdxi sabiex jagħraf jgħix fl-ispirtu u l-verità ta’ min verament iħobbu.
Huwa rringrazzja lill-familjarji ta’ Carmelo Mangion, Antoine Camilleri u George Fenech talli ġabru flimkien ix-xogħlijiet tal-arti ta’ dawn l-artisti kbar Maltin, lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u entitajiet, inkluż dawk tal-Knisja Maltija u kollezzjonijiet privati.
Din il-wirja, li qiegħda esposta fl-intrata tal-bini tal-Parlament ta’ Malta, ser tibqa’ miftuħa sal-Ħadd, 15 ta’ April 2018. Il-ħinijiet tal-ftuħ matul il-ġimgħa (bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa) huma bejn id-09.00 ta’ filgħodu u l-16.00 ta’ wara nofsinhar, Sibtijiet u Ħdud, bejn id-09.00 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa.