Ġie inawgurat il-proġett ta’ Triq l-Imġarr, arterja prinċipali b’tul ta’ kilometru li saret mill-qiegħ bi struttura kumplessa sabiex din it-triq fuq it-tafal issir kif suppost u darba għal dejjem.
Din it-triq tifforma minn proġett akbar f’dan in-naħat, hekk kif saru wkoll Triq iż-Żewwieqa, fil-Qala b’tul ta’ wieħed punt żewġ kilometri; Triq Sant’Antnin, f’Għajnsielem, b’tul ta’ 800 metru u l-junction ġdida ta’ bejn il-Qala, Nadur u Għajnsielem.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif bil-fatti il-Gvern saħħaħ u bena mill-ġdid il-links li mill-Port tal-Imġarr iwasslu għall-irħula fl-Ilvant tal-gżira Għawdxija.
Il-Ministru spjega wkoll kif bħalissa għaddejjin ukoll xogħlijiet infrastrutturali fuq Triq it-28 ta’ April fil-Qala kif ukoll Triq il-Ħamri f’Għajnsielem.
Dan ser ikun ifisser li fl-aħħar ftit snin ser ikunu saru mill-ġdid aktar minn kilometru ta’ toroq prinċipali u distributorji fejn fil-maġġor parti saru sistemi ġodda ta’ dwal servizzi tal-ilma u drenaġġ kif ukoll water culverts għall-qabda tal-ilma tax-xita.