B’investiment ta’ erba’ miljun ewro, fir-Rabat ġiet inawgurata Triq l-Għeriexem, it-triq li min-naħa tal-Imtarfa tagħti għal għal ħdejn l-Imdina.
Din it-triq sinonima mar-Rabtin b’tul ta’ tmien mitt metru ġiet mibnija mill-ġdid u inawgurata mill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg.
Il-Ministru Ian Borg qal kif triq li kienet fix-xifer li tisfronda llum hija waħda sigura, waqt li tista’ titgawda min-nies permezz tal-belvedere, li huwa parti minn dan il-proġett.
Il-Ministru Borg qal kif dan il-proġett huwa wieħed sostennibli u anke ambjentali, hekk kif din hija mgħammra b’charging pillars għall-vetturi elettriċi u anke twaħħlu sitta u tletin panella solari.
Dawn se jiġġeneraw aktar minn erbat elef u sitt mitt kWh kull sena u dan se jfisser li se niffrankaw wieħed u għoxrin tunnellata ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
Il-Ministru Borg sostna: “Dan huwa proġett illi qed jittrasforma ż-żona. Minn żona perikoluża, in-nies titgerrex tgħaddi minn hawnhekk u allura kien ta’ periklu. Għal spazju miftuħ, għall-familji Rabtin imma wkoll Maltin u dawk illi jżuru r-Rabat u l-Imdina u għaldaqstant rajna li nkunu sostenibbli. B’dak kollu li nagħmlu żiedna l-parkeġġ, żiedna t-toroq, illi allura se jagħtu spazju meħtieġ għall-karozzi. Però għandna daqstant ieħor għal min jimxi għal min jistrieħ. Siġar illi qatt ma kien hawn, triq li qiegħda tara bankina, li għall-ewwel darba tipproduċi enerġija t’arja nadifa, illi ddawwal propju dan il-prominad.”
Waqt din l-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi li spjega kif dan il-proġett li kien jirrekjedi ħafna tlesta f’inqas minn sena.
Saħaq li dan huwa l-mod kif Infrastruttura Malta taħdem b’impenn: “L-għan ewlieni tal-proġett kien li naraw li nsaħħu, it-triq li kienet qed iċċedi. Imma mbagħad ħadna l-opportunità, biex ngħid hekk, li filwaqt li għamilna dak li kellna nagħmlu, bħala t-tisħiħ tat-triq, imma mbagħad għamilna belvedere, għamilna post li wieħed jista’ jimxi, għamilna proġett sostenibbli. Naħseb li huwa proġett li se jkun qed jitgawda, mhux mir-Rabtin, imma kull min jiġi u jiffrekwenta dawn l-akwati.”
Dan il-proġett jinkludi fih parkeġġi ġodda u anke siġar u arbuxelli ġodda.
Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus li wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-Gvern f’dan il-proġett, partikolarment fejn tidħol is-sigurtà tar-residenti, peress li xi familji kienu f’periklu li tisfronda darhom.
Għal l-inawgurazzjoni, iż-żewġ baned tar-Rabat ingħaqdu flimkien sabiex idoqqu marċi li huma sinonimi mar-Rabat.