Id-Dipartiment tad-Dwana f’pajjiżna inawgura t-taqsima tal-klieb b’investiment ta’ €400,000. Din is-sezzjoni tal-klieb kienet inawgurata waqt ċelebrazzjoni ta’ Jum id-Dwana. Il-klieb se jkunu mħarrġa li jgħarfu d-droga, t-tabakk u affarijiet mhux iddikjarati. Dan ifisser li din is-sezzjoni se tkun qed iżżid is-suċċess fit-tfittxijiet tal-affarijiet li jiddaħħlu f’pajjiżna. Biex dan il-proġett ikun wieħed ta’ suċċess id-Dipartiment se jinvesti wkoll fil-bini ta’ Ċentru għat-Taqsima tal-Klieb tad-dwana f’Ħal Far. Dan il-bini se jinkludi fih ċentru ta’ riżorsi u faċilitajiet għat-taħriġ tal-klieb u mistenni jkun lest sa tmiem is-sena d-dieħla.Waqt iċ-ċelebrazzjoni, id-Dwana Maltija inawgurat ukoll logħba b’xejn ta’ tagħlim għat-tfal dwar ħidmet id-dwana. Il-logħba li jisimha ‘Nothing to Declare’ tinkludi tlett imkejjen differenti hekk kif min jilgħab se jieħu l-irwol t’uffiċjal tad-dwana fil-port, fl-ajruport u fl-uffiċju tal-posta.
Il-logħba tinsab diġa fuq l-Apple App store, Google Play Store, fuq Amazon Store. Dan filwaqt li aktar tard din is-sena, il-logħba se tkun tista’ tintlagħab b’lingwi differenti.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li kien preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, saħaq kif dawn l-avvanzi qed ikomplu jtejbu il-mod ta’ kif id-dwana f’pajjiżna qed teżerċita l-obligazzjonijiet tagħha.
Dan anke bħala regolatur ta’ dak li jidħol fil-fruntiera Ewropea.