Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura t-tlestija mir-restawr tal-istatwa ta’ San Ġużepp f’Ħal Għaxaq.
Il-Ministru Bonnici faħħar ix-xogħlijiet kontinwi li qiegħed iwettaq id-Direttorat tar-Restawr li permezz tagħhom ikun qiegħed jintervjeni u jieħu ħsieb il-monumenti u l-binjiet ta’ pajjiżna li għandhom sinjifikat nazzjonali u tradizzjonali.
Id-Direttorat tar-Restawr ħadem f’70% tal-lokalitajiet tagħna u għandu 71 proġett għaddejjin attwalment li qegħdin fi stadji differenti. “Aħna impenjati biex inkomplu nsaħħu wirtna u t-tradizzjonijiet tagħna, speċjalment minħabba li dawn jiffurmaw parti intrinsika mill-identità tagħna bħala pajjiż. B’dan l-intervent, qegħdin nassiguraw li dan il-monument importanti huwa disponibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri,” stqarr Bonnici.
Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija saru fuq il-prinċipji tar-restawr, u inkludew; tindif tal-istatwa tal-ġebel u l-pedestall minn depositi superfiċjali u bijoloġiċi;pinning tal-partijiet maqlugħa; tiswija bi plastic apposta għall-ġebel deterjorat; tikħil lokalizzat ta’ fili miftuħa; tindif tal-plakek tal-irħam u xogħol ta’ rtukkjar fuq il-kliem miktub.