Ġiet inawgurata t-tieni tugboat minn flotta ta’ tlieta ġodda bil-isem ta’ Vittoriosa b’ investiment ta’ 8 miljun ewro minn Tug Malta.
It-tug boat li hija it-tieni waħda minn flotta ta’ tlieta li ġiet inawgurata sena wara l-ewwel tug boat tal-flotta bl-isem St. Angelo. L-investiment totali tal-flotta se jkun ta’ €24 miljun.
Din il-flotta ta’ tugboat hija mgħammra b’faċilitajiet li jaqdu l-bżonnijiet tal-portijiet Maltin fosthom dak tal-port ta’ Marsaxlokk, jiġifieri dawn it-tug boats għandhom faċilitajiet li jservu t-tanker tal-gas. Dawn it-tug boats għandhom il-faċilità li jitfu nirien kif ukoll jassistu vapuri kbar. Dawn it-tug boats li huma mibnija fit-Turkija, kapaċi jaħdmu anke f’kundizzjonijiet tal-baħar diffiċli filwaqt li jistgħu jassistu super yauchts.
Iċ-chairperson ta’ Tug Malta, Mario Mizzi, waqt l-indirizz tiegħu irringrazzja l-Gvern tal-kontribut li qed jagħti fis-settur marittimu. Huwa qal li t-tug boat, li fiha 14-il metru tul, se tkun ukoll għall-assistenza waqt emerġenzi kull ħin tal-ġurnata.
Indirizza l-attività wkoll il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, fejn qal li s-settur marittimu huwa pilastru ieħor fl-ekonomija Maltija. Huwa rilonoxxa x-xogħol li qed tagħmel Tug Malta, fejn semma wkoll l-impenn kontinwu biex Malta tkompli tgawdi mill-investimenti li qed tagħmel. Il-Ministru Borg qal ukoll li matul dawn l-aħħar ħames snin ir-reġistrazzjonijiet ghall-yauchts lussużi żdied b’90%, dan ifisser li l-Gvern huwa kommess li jkompli jara lis-settur marittimu jkompli jikber anke fis-snin li ġejjin.