It-Tnejn ġiet inawgurata t-tieni fażi tal-proġett fuq il-binja Rużar Briffa fir-residenza San Vinċenz de Paul.
Din issemmiet għal Briffa minħabba li kien dermatologu ewlieni f’Malta li ħadem biex ikun hawn kura aħjar għal-lebra.
Din il-parti tal-isptar kienet abbandunata u kienet anke nieqsa minn faċilitajiet sanitarji.
Il-proġett ta’ €15-il miljun wassal biex il-binja storika issa hija mgħammra b’aktar faċilitajiet anke teknoloġija.
Dan apparti ristrutturar totali tal-intern tal-binja.
Il-faċċata restawrata tirrispetta anke l-għeruq militari Ingliżi tal-mod kif din kienet mibnija.
Fl-inawgurazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-isptar, Dr Josianne Cutajar tenniet li hi kburija li l-isptar iġġedded u se jkompli jservi lill-pajjiż.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia fakkar li l-budget totali tal-Gvern għall-isptar ilaħħaq il-mitt miljun ewro, li wassal anke għal żieda fil-ħaddiema. Il-binja Rużar Briffa se tkun tista’ tagħti wkoll servizzi lil anzjani li jgħixu fil-komunità.