Xena mhux tas-soltu għall-uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li l-Ħadd filgħodu assistew għall-inawgurazzjoni ta’ statwa fuq il-Kappella tal-Madonna tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Din it-tradizzjoni Franġiskana, li ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jassistu għall-kxif ta’ statwa tal-Madonna, bdiet f’Ruma u l-Ħadd saret ukoll f’pajjiżna.
Dwar dan tkellimna mas-Saċerdot Anton Farrugia.
Huwa qalilna, “Il-preżenza tal-Protezzjoni Ċivili, jiena jitolbuni mmur inberkilhom il-karozzi tagħhom u allura din id-darba tlabthom li jiġu huma. Però huwa ġest sabiħ ħafna li jsir f’Ruma, fit-tmienja ta’ Diċembru, f’Ruma l-Protezzjoni Ċivili wkoll jitilgħu hemm kolonna bl-istatwa tal-Immakulata u jqegħdulha l-fjuri.”
L-istatwa tal-Madonna kienet ikkummissjonata lill-artist Ramon Camilleri McKay mingħand familja ta’ benefatturi.
L-artist spjega kif minħabba l-elementi li se tkun esposta għalihom, kellha tinħadem bil-fibre glass.
Huwa stqarr: “Din hija statwa tal-Madonna tal-Anġli fl-okkażjoni tal-festa tagħha. Intweriet il-ħtieġa li jsir monument għal fuq il-knisja. Bħala xogħol ħadet qisu mat-tliet xhur xogħol fuqha.”
Qarib tal-familja li kkummissjonat din l-istatwa qalilna li l-ħsieb warajha beda minn xewqa ta’ parroċċjan attiv.
Huwa tenna: “Kellu ħolma kif qed jgħid hu għax jiena qed nitkellem f’ismu, li xi ħadd qallu jmur jagħmel statwa tal-Madonna f’Baħar iċ-Ċagħaq għaliex dejjem kien devot tagħha.”
Aktar qabel, saret quddiesa ddedikata lill-patruna ta’ din il-kappella bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni tal-istatwa.