B’investiment ta’ żewġ miljun ewro ġiet inawgurata spiżerija f’San Vinċenz de Paul.
Din ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia.
Waqt din l-inawgurazzjoni, il-Ministru Michael Farrugia qal kif il-viżjoni tal-Gvern għal San Vinċenz de Paul kien li din ikollha servizzi aktar wiesgħa, fejn illum huwa ċentru ta’ kura.
Qal kif fiż-żmien li ġej se jkun qed jinfetaħ laboratorju f’din ir-residenza, biex it-testijiet isiru hawnhekk stess milli fl-Isptar Mater Dei, fejn qal kif dan il-fatt iżid l-effiċjenza.
Il-Ministru Michael Farrugia qal kif din l-ispiżerija kienet importanti mal-kullana tal-proġetti li għaddejjin f’San Vinċenz, hekk kif qal li se jsir xogħol fi swali, fosthom fejn anki se jitpoġġew sodod elettriċi.
Qal, “Qed naraw ċentru ta’ madwar tliet sulari, fejn se jsir storage tal-mediċini jitqassmu u hawnhekk qed nitkellmu fuq 2,800 metru kwadru ta’ floor space u anki barra hemm area 1,500 metru kwadru ta’ area fejn jiefqu l-inġenji u jkunu jistgħu jniżżlu l-mediċini.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Dr Josianne Cutajar qalet kif din l-ispiżerija tforni lill elf u ħames mitt pazjent, b’nefqa ta’ tliet miljun ewro kull sena.
Qalet, “Li jkollna spiżerija effiċċjenti, sigura, b’operat sigur, li taħdem fuq livell ta’ sptar huwa kruċjali għax b’hekk innaqsu wkoll mit-traġitti u l-iskariġġi biex imorru Mater Dei u nnaqsu l-pressjoni minn ġo Mater Dei, bl-anzjani li jkunu morda li jkollna hawnhekk. Filfatt anke waqt il-pandemija nista’ ngħidlek li kull min ġie bżonn ta’ kura akuta kollha ġiet mogħtija ġewwa s-swali tagħna.”