Ġiet inawgurata sistema ġdida ta’ dawl għas-Santwarju Bażilika tal-Mosta. Waqt serata organizzata quddiem il-Bażilika stess, għall-ewwel darba nxtegħlet is-sistema ta’ dawl, li hija mfassla biex toħroġ aħjar l-elementi arkitettoniċi tar-Rotunda.
Id-disinjatur artistiku tal-proġett, Franck Franjou, spjega li għall-kuntrarju tas-sistema l-antika, id-dawl ġdid huwa aktar effiċjenti fil-konsum tal-elettriku u għalhekk jiġġenera inqas tniġġis. Id-dawl ġdid huwa kkontrollat permezz ta’ sistema ċentralizzata, b’mod li jista’ jinbidel skont il-ħin u l-okkażjoni.
Dan il-proġett sar b’investiment mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF). Il-membru fil-bord tal-Gvernaturi tal-NDSF James Grech qal li l-investiment soċjali ta’ €850,000 għandu l-għan li jżid il-valur storiku, kulturali u artistiku tal-binja.
Spjega kif il-Bord tal-Gvernaturi jamministra l-fondi fl-aqwa interess taċ-ċittadini. L-iskop ewlieni li l-fond jikkontribwixxi lejn proġetti ta’ importanza nazzjonali dejjem tkun sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet preżenti u ta’ dawk futuri.
Dan is-sentiment kien rifless fid-diskors tas-Sindku tal-Mosta Chris Grech, li qal li monumenti ta’ valur storiku, arkitettoniku u kulturali jeħtieġu investiment kontinwu biex jinżammu fi stat dinjituż, u għalhekk jiġi mħares il-patrimonju Malti.
Spjega kif ir-Rotunda hija apprezzata mhux biss mill-komunità Mostija, imma mill-poplu Malti kollu u l-ammont kbir ta’ turisti.
L-Arċipriet tal-Mosta Dun Bastjan Caruana esprima sodisfazzjon għall-fatt li din il-ħolma ta’ bosta saret realtà. Sostna li kien hemm diversi persuni sew min-naħa tal-Knisja kif ukoll min-naħa tal-Istat li ħadmu flimkien b’dedikazzjoni. Xi wħud minn dawn il-persuni ħadmu volontarjament u wrew impenn u mħabba lejn l-istess komunità Mostija, u lejn il-pajjiż kollu. L-Arċipriet qal li dan il-proġett se jżid is-sens ta’ komunità, mhux biss fost min jipprattika l-fidi, iżda wkoll fost min japprezza l-valur artkitettoniku nazzjonali.
Il-Membru Parlamentari Alex Muscat, li kien qed jirrappreżenta lill-Gvern, qal li l-proġett se jagħti d-dinjità mistħoqqa lil waħda mill-aktar koppli kbar fl-Ewropa u fid-dinja. Osserva li s-sistema ta’ dawl preċedenti għaddew deċenji minn fuqha, u sadanittant ġew żviluppati sistemi ferm iktar xierqa għall-binja ta’ dan il-kalibru.