Ġewwa l-Każin tal-Banda L-Unjoni Ħal Luqa ġiet inawgurata sala mużikali ġdida li ġiet rinovata bl-aqwa mod għal kunċerti mużikali u tagħlim tal-mużika.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din is-sala, l-Membru Parlamentari Silvio Schembri kkongratula lill-Banda L-Unjoni għall-għaqal li l-amministrazzjoni tal-għaqda wriet sabiex dan il-proġett seta’ jsir b’tant ħegga fl-interess tal-Banda u l-kultura mużikali fil-lokal.
Bħala project leader ta’ dan il-proġett, l-Onor. Silvio Schembri qal li permezz ta’ dan l-investiment fi ħdan il-lokalita’ ta’ Ħal Luqa, it-tfal u l-mużiċisti tal-lokal issa għandhom post ieħor tal-ogħla livell fejn jitgħallmu u jtejbu t-talent mużikali tagħhom.
Din is-sala li ġiet imsemmija għad-unur is-Surmast Luqi, l-Professur Charles E. Zammit, saret b’investiment ta’ 20,000 Ewro bix-xogħlijiet ikunu jikkonsistu f’ alterazzjonijiet strutturali, bini ta’ raised flooring, installazzjoni ta’ suffett modern, dwal ġodda u arja kkundizzjonata, kif ukoll faċilitajiet aktar komdi għall-mużiċisti.
Il-President tal-Banda L-Unjoni s-Sur Joseph Piscopo qal li dan l-investiment kien wieħed masiċċ u sar possibli permezz tal-kofinanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Huwa rringrazzja lill-project leader l-Onor. Silvio Schembri għall- għajnuna kontinwa tiegħu li flimkien mal-fondazzjoni GAL Xlokk għamlu dan il-proġett realtà.
Aktar tard waqt iċ-ċerimonja ġiet mixgħula l-faċċata tal-Każin Banda Unjoni, li ta’ kull sena tiddawwal b’dawl mill-isbaħ sforz l-entużjażmu tal-voluntiera tal-istess soċjetà. Fl-istess okkażjoni, l-Kapillan Gordon Refalo inawgura presepju artiġjanali fis-sede tal-Banda L-Unjoni maħdum mill-artist lokali Sandro Farrugia