Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura sala kompletament rinovata fl-Isptar Monte Karmeli li se tintuża mill-pazjenti li jkunu ammessi l-Isptar għal kura akuta għall-ewwel darba jew li jkunu ilhom ma jiġu ammessi l-Isptar għal iżjed minn sena.
Ir-rinovazzjoni ta’ din is-sala, li sar b’investiment t’iżjed minn €880,000, involviet numru ta’ xogħlijiet strutturali kif ukoll investiment f’sistemi moderni u siguri għall-pazjenti, anke permezz tax-xiri ta’ għamara anti-ligature.
Waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru spjega kif it-tlettax-il pazjent ta’ din is-sala se jkunu qed jirċievu kura psikjatrika speċjalizzata u kif ukoll kura u assistenza minn tim multidixxiplinarju li jsegwi l-pazjent sakemm jingħaqad lura fis-soċjetà.
“Ir-rinovazzjoni ta’ Admission Ward 4, hija biss waħda mill-proġetti infrastrutturali li għaddejjin bħalissa fl-Isptar Monte Karmeli. Wara li fl-aħħar sentejn ftaħna żewġt iswali rinovati, fix-xhur li ġejjin se nissoktaw bix-xogħlijiet strutturali u ta’ tisbiħ madwar l-Isptar, b’rispett lejn il-valur arkitettoniku storiku tal-binja,” stqarr id-Deputat Prim Ministru Fearne.
Huwa tenna li fl-aħħar snin il-qasam tas-saħħa mentali ngħata prijorità kbira, hekk kif b’mod parallel mal-investiment infrastrutturali, żdiedu s-servizzi tas-saħħa mentali offruti fil-komunità.
“Għall-ewwel darba għandna iżjed pazjenti jirċievu kura għas-saħħa mentali fil-komunità milli fl-isptar innifsu,” qal id-Deputat Prim Ministru Fearne, li spjega kif dan huwa r-riżultat tal-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali għas-Saħħa Mentali. Huwa rrefera b’mod partikolari għas-servizzi tal-helpline tas-saħħa mentali, 1579, li fis-sena li ilu mwaqqaf assista mas-7,500 persuna li ċemplet għall-għajnuna u kif ukoll il-Crisis Resolution Home Treatment li fis-sentejn li ilu mwaqqaf assista mas-600 pazjent u li minnhom 7% biss kellhom bżonn jiġu rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli. Hawnhekk tkellem ukoll dwar l-investiment fir-riżors uman fejn spjega kif in-numru ta’ speċjalisti tas-saħħa mentali rdoppja fl-aħħar għaxar snin, biex issa hemm mal-34 psikjatra li joffru s-servizzi tagħhom fis-sistema tas-saħħa pubblika.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-servizzi tas-saħħa mentali, b’mod partikolari lil dawk li minn għada se jibdew joperaw mis-sala l-ġdida, u kif ukoll lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi li għamlu x-xogħlijiet infrastrutturali tas-sala.