Fil-Kunsill Lokali tas-Swieqi lbieraħ ġiet inawgurata sala ġdida għall-komunità bil-għan li sservi għal attivitajiet varji. F’din is-sala multipurpose se jibdew jiġu organizzati esebizzjonijiet, korsijiet edukattivi, sessjonijiet tal-keep fit, u attivitajiet għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità, fost l-oħrajn.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ sala ġdida għall-komunità fis-Swieqi, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li “ huma inizjattivi bħal dawn li verament itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna, u huma proġetti bħal dawn li jkomplu jgħollu l-livell tal-kwalità ta’ ħajja li l-kunsilli lokali joffru lin-nies tagħhom”.
Huwa rringrazzja lill-Kunsill Lokali tas-Swieqi għal din l-inizjattiva li se toffri spazju ġdid għall-organizzazzjonijiet filantropiċi u għaqdiet nongovernattivi, bħala post fejn jiltaqgħu jew jorganizzaw attivitajiet oħra.
Buontempo qal li “l-Gvern qed jgħin lill-kunsilli lokali billi żied l-allokazzjoni finanzjarja għall-kunsilli lokali b’9% mis-sena ta’ qabel, biex telgħet għall-figura ta’ aktar minn 45 miljun ewro”. Dr Buontempo spjega wkoll li fil-każ tal-Kunsill Lokali tas-Swieqi, din il-lokalità ħadet żieda ta’ 14%.
Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat qal li din il-faċilità kienet bżonnjuża ferm għas‑Swieqi minħabba li m’hemmx skola u lanqas għaqdiet soċjali bis-sede tagħhom fejn wieħed jista’ jiltaqa’. Is-Sindku sostna li jieħu gost jara proġetti bħal dawn iseħħu, anke bil‑għajnuna tal-Gvern Ċentrali, filwaqt li awgura għal aktar entużjażmu fost il-kunsilliera u l-voluntiera li jagħtu ħinhom għal-lokal u għar-residenti tas-Swieqi.