B’numru ta’ kompjuters, kotba, logħob, u fi spazju modern u kkulurit, ġiet inawgurata kamra ġdida għall-adoloxxenti f’Rainbow Ward fis-Sala tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.
Bi storja ta’ tmintax-il sena, din is-sala minn dejjem offriet kura lil tfal u żgħażagħ sa sittax-il sena morda bil-kanċer.
Issa, bil-ftuħ ta’ din il-kamra, l-età telgħet għal wieħed u għoxrin sena, u l-adoloxxenti li jimirdu bil-kanċer għandhom kamra fejn jistgħu jistudjaw u jirrilassaw f’ambjent b’atmosfera pożittiva.
Angele Cuschieri, minn Puttinu Cares, spjegat li bejn sittin u disgħin pazjent isiefru għall-kura l-Ingilterra kull xahar, u hekk kif qed tiżdied id-domanda, inħass il-bżonn li l-ispazju f’din is-sala jikber ukoll.
“Qabel konna nikkuraw pazjenti sa sittax-il sena, issa qed nikkuraw pazjenti sa wieħed u għoxrin sena, adoloxxenti u żgħażagħ żgħar. Din il-kamra qiegħda attrezzata apposta biex dawn ikomplu bl-istudji tagħhom għax ħafna minnhom ikunu qegħdin il-Junior College jew l-Università, ġieli kellna pazjenti qed jagħmlu l-O-Levels u l-A-Levels, u għandhom atmosfera pożittiva biex ikunu jistgħu jirrilassaw u jinsew daqsxejn mit-tensjoni tal-kura.” Stqarret Cuschieri.
Martina Fenech, żagħżugħa ta’ 23 sena magħrufa għad-determinazzjoni tagħha fil-battalja kontra l-kanċer, qalet li l-kanċer tagħha feġġ xahrejn qabel l-O-Levels.
Qalet li l-istudji tagħha kellha titfagħhom fuq l-ixkaffa għax kellha bżonn titla għall-kura l-Ingilterra, u spjegat kif dak iż-żmien sabet refuġju f’sala simili għal dik li fetħet f’Malta illum.
Martina qalet, “Malta dak iż-żmien ma kellniex din il-faċilità ta’ kamra fejn inti tista’ tiffoka, tistudja ftit u taqta’ mill-ambjent tal-kamra fejn hemm is-sodda, jiġifieri din ilha tmien snin dejjem f’moħħna, Rennie, Angele u Puttinu biex ikollna din il-kamra.”
Qalet li għalkemm tidher żgħira mid-daqs, il-kamra hija ħafna akbar fil-ħsieb, għaliex iż-żgħażagħ jibdlu l-ambjent minn fejn jingħataw il-kura u jħarsu ’l quddiem biex ikomplu b’ħajjithom.
“Iż-żgħażagħ pazjenti jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom u ovvjament ma jħallux il-marda tiddefinixxi ħajjithom u jieqfu bl-istudji tagħhom bħalma kelli nieqaf jien iżda jibqgħu għaddejjin bl-istudji tagħhom u jaslu għal dak li dejjem ħadmu għalih.” Kompliet tgħid Martina.
Intant, f’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrikonoxxa ċ-ċirkostanzi diffiċli u r-realtajiet xejn sbieħ li jġib magħhom mard bħall-kanċer.
Qal li l-Gvern dejjem wera u saħansitra żied, is-sostenn finanzjarju, għall-pazjenti morda bil-kanċer, u hekk se jkompli jagħmel fis-snin li ġejjin.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega li f’Lulju li għadda bdiet sistema fejn pazjenti bil-kanċer ta’ bejn is-sittax u l-wieħed u għoxrin sena, jagħżlu huma jekk jiħdux il-kura f’Rainbow Ward jew fis-sala tal-kbar.
Irrimarka li din is-sena, il-baġit tal-Gvern għall-mediċini tal-kanċer kien ta’ tmintax-il miljun ewro, u l-pjan hu biex sal-aħħar tas-sena d-dieħla, il-mediċini kollha tal-kanċer ikunu fuq il-formularju tal-Gvern.