Waqt żjara uffiċjali fil-Ghana, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu l-opportunità li f’Kumasi jżur iċ-Ċentru Mediku Malti magħruf bħala HopeXchange u jinawgura waħda mis-swali l-ġodda.
Il-Ministru Borg sostna li huwa ta’ unur għalih li jżur dan iċ-ċentru li għall-aħħar snin ipprovda għajnuna ta’ saħħa lil bosta persuni mill-Ghana, dan anke bħala parti mill-għajnuna umanitarja li Malta toffri minn żmien għal żmien. Fid-diskors tal-okkażjoni, huwa sostna kif anke matul iż-żmien diffiċli tal-pandemija tal-COVID-19, dan iċ-ċentru mediku kien wieħed strumentali biex jiġġieled l-imxija. Il-Ministru Borg irringrazzja lit-tobba, l-infermiera u anke l-professjonisti kollha tal-impenn tagħhom.
“Nemmnu tassew fl-importanza li nilħqu l-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli hekk kif stabbiliti min-Nazzjonijiet Magħquda u nemmnu wkoll li għandna nkomplu nippromwovu aċċess għal servizz tas-saħħa ta’ kwalità u trattament ta’ kwalità sabiex ikun hemm progress soċjo-ekonomiku fil-Ghana,” kompla jgħid il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.
Waqt din iż-żjara kien iffirmat ukoll ftehim ta’ kooperazzjoni li jiżgura aktar kooperazzjoni mill-Gvern Malti lejn dan iċ-ċentru mediku u l-professjonisti kollha li qed jassistu.