B’investiment ta’ madwar għoxrin elf ewro ġiet inawurata sala tal-eżerċizzju fiżiku f’Ta’ Kandja li se takkomoda kemm għaqdiet u kemm individwi.
Din is-sala hija attrezzata b’numru ta’ roti u magni għall-eżerċiżżjum fosthom għall-isparar tal-plattini.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq li wieħed mill-għanijiet ta’ SportMalta huwa li iktar Maltin jagħmlu iktar eżerċizzju fiżiku.
Qal, “SportMalta fetħet dan iċ-ċentru tal-fitness, mgħammar b’apparat tal-aqwa kwalità, magni tar-rowwing, kif ukoll roti u free weights, allura l-atleti, klabbs u anke individwi tas-Siġġiewi, l-Imqabba u tal-madwar ikollhom post tajjeb fl-iktar kumdità fejn huma għandhom jiġu mħarrġa ”.
Waqt l-inawgurazzjoni is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima spjega kif SportMalta għaddejja bi programm li tara li nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex.
Huwa temm jgħid li dan kollu jikkumplimenta l-investiment li sar fl-atleti elite u kif ukoll fil-livell ta’ attività fiżika għall-popolazzjoni ġenerali.
Spjega, “Sport Malta qed ittejjeb il-programm li permezz tiegħu naraw li nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies fil-komunitajiet f’Malta u Għawdex. Illum qed ninawguraw ċentru tal-fitness li jista’ jitgawda mill-popolazzjoni inġenerali”.