F’inqas minn tliet ġimgħat infetħet għall-pubbliku ir-raba’ bajja wara xogħol estensiv li sar biex terġa timtela’ bir-ramel. Dan hekk kif tlestiet il-bajja ta’ Għar l-Aħmar f’Marsaxlokk. Il-bajja infetħet uffiċjalment it-Tlieta filgħodu mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi.
Din il-bajja ġiet estiża b’aktar minn 15-il metru biex b’hekk it-tul totali ta’ din il-bajja issa jammonta għal aktar minn 100 metru, b’wisgħa ta’ madwar 50 metru. Madwar 2000 metru kubu ta’ ramel tħammel miż-żona tal-Magħluq.
Din il-bajja giet ukoll attrezzata b’passaġġ tal-plastik li jagħmel il-bajja iktar aċċessibli għal kulħadd, b’showers u changing rooms ġodda, faċilitajiet sanitarji ġodda, kif ukoll diversi kontenituri għar-riċiklaġġ tal-iskart.
Tajjeb li wieħed jinnota li din il-bajja hija differenti mill-oħrajn għaliex din il-bajja ser tkun permanenti. Dan permezz ta’ installazjoni ta’ lqugħ li ser isiru wara s-sajf sabiex ikun jista jinżamm ir-ramel ġewwa din il-bajja u ma jintilifx.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett u qal li wara li fil-leġislatura li għaddiet ingħalqet il-powerstation tal-Heavy Fuel Oil, li ttejbet b’mod sostanzjali il-kwalità tal-ħajja għar-residenti ta’ Marsaxlokk, issa huwa meħtieg ambjent ferm isbaħ u aqwa. Saħaq li jhares ‘il quddiem għal iktar proġetti u ħidma b’kollaborazzjoni mal-komunità ta’ Marsaxlokk u l-Kunsill Lokali.
Dan il-proġett ta’ Għar l-Aħmar isegwi eżerċizzi simili li saru fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, fil-Bajja tal-Balluta f’San Ġiljan u l-Bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn, bir-riġenerazzjoni tal-bajja ta’ Għar l-Aħmar f’Marsaxlokk pass ieħor fir-riġenerazzjoni ta’ din il-lokalita.
Ix-xogħlijiet f’din il-bajja saru mill-Ministeru għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi.