B’investiment ta’ tmien mija u ħamsin elf ewro ġiet inawgurata residenza ġdida fil-komunità għall-persuni b’diżabilità, bl-isem ta’ Ġiżimina.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli spjegat kif din ir-residenza fiż-Żurrieq, se toffri spazju lil 11-il persuna b’diżabilità biex jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità, filwaqt li jgawdu minn faċilitajiet aċċessibbli u tal-ogħla kwalità.
“Il-kunċett huwa wieħed sempliċi fejn 11-il persuna f’dan il-każ b’diżabilità qed jgħixu ħajja indipendenti flimkien bħala familja u matul il-ġurnata tagħhom b’mod normali. Uħud minnhom saħanistra jmorru fuq il-post tax-xogħol u jiġu hawn jippreparaw għall-ikla ta’ filgħaxija. Irridu ninvestu aktar fl-Indipendenza tal-persuni b’diżabilità għal inklużjoni kompluta.”
Il-Ministru qalet li permezz tal-Proġett Soċjetà Ġusta, flimkien ma’ Aġenzija Sapport u ma’ għaqdiet mhux governattivi, infetħu 15-il residenza fil-qalba tal-komunità.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras spjegat li Ġiżimina tkompli turi l-pożittività tal-Proġett Soċjetà Ġusta, li bil-ftuħ ta’ dawn ir-residenzi, qed ikompli jagħti opportunità lil persuni b’diżabilità għal ambjent ta’ familja.
“Ġo din id-dar aħna qegħdin naraw li persuni jkunu inklużi fil-komunità taż-Żurrieq u minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-komunità taż-Żurrieq li laqgħet lil dawn il-persuni b’diżabbilità, aħna nsegwuhom bi pjan personalizzat kif ukoll ikollna tim multi dixxiplinarju li jsegwi lill-persuni b’diżabilità.”
Din ir-residenza tikkonsisti f’maisonette u tliet appartamenti li joffru spazju separat lir-residenti. Din il-binja toffri wkoll spazju għal taħriġ u laqgħat, kif ukoll uffiċċju għall-ħaddiema.