Fil-Kalkara ġiet irrestawrata plakka li tfakkar il-ħajja tal-kittieb u storiku Ernle Bradford, fil-ħamsa u tletin anniversarju mill-mewt tiegħu.
Din il-plakka hija mwaħħla mal-faċċata tal-istess dar li kien jgħix fiha, u apparti r-restawr tagħha, l-isqaq biswit id-dar ġie msemmi wkoll għalih.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-plakka, tkellem il-Kittieb Malti Charles Flores, li kien jaf lil Bradford b’mod personali, u qal li Malta u l-kitba kienu tnejn mill-aktar affarjiet li kienu għall-qalb il-kittieb.
Flores qal li Bradford kien raġel maħbub fil-Kalkara, u li mingħajru, il-karriera tiegħu ma tkunx dik li hi: “Ernle Bradford ma kien jiddejjaq xejn jitħallat magħna. Kien joffri mhux biss pariri imma anke spalla għalina kollha li konna nittamaw li b’xi mod nistgħu nidħlu fil-qasam tal-ħidma, u għadni sal-lum obbligat għas-sehem li tagħni fit-tnissil tal-kitba letterarja.”
Waqt l-inawgurazzjoni tkellem ukoll is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina, li qal li l-Kalkara hija d-dar ta’ bosta artisti minn kull żmien.
Stqarr li minkejja ċ-ċokon tar-raħal, xorta waħda għandu identità b’saħħitha, u saħaq fuq l-importanza li l-wirt tiegħu ikun imħares u apprezzat.
Għalhekk, is-Sindku qal li din il-plakka tal-lum mhix l-unika proġett tax-xorta tagħha: “Fil-fatt f’Mejju li għadda l-Kunsill Lokali tal-Kalkara ħadem fuq proġett biex nirrikonoxxu ħames toroq partikolari li jagħmlu iktar sens għal-lokalità tagħna.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, li ffinanzjat dan il-proġett, Glenn Bedingfield, qal li għalkemm dan huwa proġett żgħir, mhuwiex wieħed iżolat, u dawn il-proġetti qegħdin iwasslu għal-trasformazzjoni fil-Kottonera kollha.
Huwa sostna: “Il-Kottonera għaddejja minn żmien sabiħ, żmien pożittiv ħafna li qed iġib sfidi ġodda. Allura rridu naħsbu biex inkomplu nagħmlu dawn il-proġetti li qed isiru bħalissa b’investiment bla preċedent li l-Gvern qed jagħmel, sat-tmiem is-sena d-dieħla kważi ħamsa u għoxrin miljun ewro fil-Kottonera.”