B’investiment ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro, ir-residenza u l-isptar għall-anzjani San Vinċenz de Paul, issa għandu pixxina terapewtika.
Din iż-żona fejn hemm il-pixxina terapewtika fiha daqs ta’ tmien mija u tmenin metru kwadru u tinkludi tliet pixxini li fihom aktar minn mija u għoxrin metru kubu ta’ ilma flimkien ma’ gym ta’ aktar minn mitejn metru kwadru.
Din iż-żona f’San Vinċenz se toffri servizz ta’ terapija fl-ilma u fiżjoterapija fost oħrajn.
Din il-pixxina tindirizza l-bżonnijiet differenti tal-anzjani biex isostni l-anzjanità attiva f’ambjent li jiffavorixxi anke l-kundizzjoni tad-dimensja.
Karl Spiteri, li jieħu ħsieb il-psikoterapija ġewwa San Vinċenz de Paul spjega li meta ġie biex isir l-iddisinjar tal-pixxina, il-periti kkonsultaw lill-esperti tekniċi biex jiddiskutu l-aċċessibilità fosthom ir-rampi li jwasslu għall-pixxina, ir-railings, il-liċenzja kif ukoll it-taħriġ li sar lill-ħaddiema li se jassistu lir-residenti.
Huwa stqarr: “Bħala training, ġie professur minn barra, li kien wieħed mill-pijunieri tal-hydrotherapy, li waqqaf diversi pixxini barra minn Malta, l-Indja l-Iżvizzera, li jfisser li huwa wieħed mill-aqwa persuni fis-settur. Bażikament ġie jħarreġ id-dipartiment kollu. Fid-dipartiment ta’ hawnhekk se ikunu qed jaħdmu erba’ fejn tlieta minnhom huma terapisti u wieħed physiotherapist assistant, li ħa ikunu qed jaħdmu fiż-żewġ pixxini.”
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-pixxina, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Dr Josianne Cutajar spjegat li l-introduzzjoni ta’ servizzi alternattivi bħal dawn jgħollu l-livell tas-saħħa mentali, psikoloġika u fiżika tar-residenti.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-iskop ta’ din il-pixxina huwa li l-anzjani jingħataw kura ħolistika ta’ kwalità: “It-tip ta’ infrastruttura li saret, il-materjal użat, huwa maħsub speċifiku għall-persuni li huma anzjani. In-nefqa ta’ tliet mija u ħamsin elf ewro għal servizz terapewtiku li se jkompli jikkumplimenta s-servizz ta’ fiżjoterapija u terapija okkupazzjonali ġewwa residenza San Vinċenz.”