Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura r-restawr fuq in-niċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu f’Raħal Ġdid. In-niċċa ġiet restawrata mid-Direttorat tar-Restawr, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
“In-niċċa ġiet restawrata grazzi għall-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, li sservi bħala inċentiv biex il-Kunsilli Lokali jirrestawraw binjiet u monumenti storiċi fil-lokalitajiet tagħhom. S’issa, total ta’ 21 lokalità bbenefikaw minn din l-iskema. Din l-inizjattiva għandha rwol importanti fl-istrateġija kulturali tagħna, minħabba li r-restawr għandu element ċentrali li jagħmel postijiet storiċi lokali aktar aċċessibbli għal kulħadd,” qal il-Ministru Owen Bonnici.
Ix-xogħol tal-ġebel ta’ dan il-monument għandu dettalji elaborati fl-iskultura u kien miksi biż-żebgħa. Kien f’ kundizzjoni pjuttost tajba, imma b’żebgħa mqaxxra f’ħafna postijiet, bi ħmieġ bioloġiku preżenti fuq il-parti ta’ fuq tal-frontun u deterjorazzjoni limitata f’xi postijiet. Sistema ta’ dawl kienet ġiet installata madwar in-niċċa li għamlet dannu fuq xi xogħol tal-ġebel fil-proċess.
Il-proċess ta’ restawr indirizza d-danni u d-deterjorament, biex niżguraw li dan ma jmurx għall-agħar maż-żmien. L-ewwel fażi tal-intervent rat għat-tneħħija bil-galbu tal-wires u l-bozoz – partijiet nieqsa tal-ġebla ġew mqiegħda wkoll. Ix-xogħol taż-żebgħa fuq in-niċċa, statwa u t-tiżjin ta’ madwar tneħħa bil-galbu biex jiġu esposti d-difetti ta’ taħt. Saru l- interventi ta’ restawr u l-istatwa ġiet miżbugħa mill-ġdid bl-istess skema ta’ kuluri b’żebgħa b’bażi tal-acrylic minħabba li din għandha saff protettiv li joħroġ aħjar id-dettalji dekorattivi tal-pedestall.
Tmermir u tfarfir ġew indirizzati, u l-issiġillar ta’ qsim tad-deffun fuq il-frontun ukoll kienu parti mill-proċess tar-restawr.
In-niċċa hija artistika u elaborata ħafna, u għandha 2 kolonni u frontun, b’salib fuqu.