Inawgurata “Multi Sensory Room” fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilita’ fl-Imtarfa.
Dan l-investiment mill-Aġenzija Sapport u minn Ħbieb tal-Aġenzija se joffri servizzi ta’ rilassament b’terapija bbażata fuq erba’ minn ħames sensi- il-viżiv, is-smigħ, ix-xamm u li wieħed iħoss.
Il-Multi Sensory Room hija mgħammra b’faċilitajiet fosthom banju għal tal-apposta li joffri serħan lill-għadam u l-ġogi u jista’ jintuża wkoll minn persuni b’diżabilità li għandhom nuqqas ta’ mobbilità.
Apparti minn hekk, il-mija u erbgħin klijent li huma miż-żewġ ċentri ta’ matul il-jum fl-Imtarfa u f’Villino Marija jistgħu jużaw siġġu apposta u faċilitajiet li jgħinuhom jirrilassaw f’ambjent kalm.
Michelle Borg li hija Occupational Therapist fl-Aġenzija qalet li l-faċilitajiet il-ġodda ser jgħinu lil ħafna nies:
“Hawnhekk għandna diversi affarijiet li l-klijent ser ikun jista’ jibbenefika minnhom eżempju l-hammet bath, ir-rocking chair, dwal differenti u aromas different; il-klijent bazikament ihossu aktar kalm f’din il-multi sensory room,” qalet is-Sinjura Borg.
Irrimarkat kif kamra ta’ din ix-xorta hija ta’ għajnuna kbira għall-individwi li għandhom imġiba kemmxejn diffiċli.
Adelina Pisani- omm u membru attiv fl-għdaqda ĦBIEB AĠENZIJA SAPPORT esprimiet is-sodisfazzjon tagħha mill-ġid li ser joħroġ minn din il-kamra:
“Bħala ġenitur nieħu pjaċir li avvanzajna l’quddiem. Dan it-tip ta’ bath huwa terapewtiku u ġid johroġ minnu għaliex it-tfal tagħna ma tantx għandna ċ-ċans fejn nagħmlulhom it-therapy. Li fiċ-ċentru wkoll isirlhom it-therapy hija xi haġa sabiħa- nieħu pjaċir li minnha joħroġ il-ġid ta’ kulħadd,” qalet is-Sinjura Pisani.
L-inawgurazzjoni saret mis-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’ Diżabilita’ Anthony Agius Decelis fejn spjega kif faċilitajiet ta’ din ix-xorta qed jgħinu lil dawn in-nies jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.