“Biex nifhmu tassew l-importanza tal-prinċipju ta’ fair play, irridu nagħrfu r-rabta li dan il-prinċipju għandu ma’ valuri morali ta’ ġustizzja, ta’ fairness, ta’ ekwità u tad-dinjità tal-persuna umana. Għaldaqstant, imġiba sportiva tajba għandha twassal biex tissaħħaħ l-abbiltà tagħna li nagħmlu l-aħjar għażliet f’ħajjitna”, qal l-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja fotografika ‘Stop the fix, fix the threat – għal sport nadif’, fil-Parlament.
L-Ispeaker tkellem dwar l-importanza tal-attività sportiva biex is-soċjetà tkun b’saħħitha fiżikament u moralment. Kull attività sportiva ttejjeb ħajjet il-bniedem, qal l-Ispeaker, filwaqt li saħaq dwar l-importanza tal-fair play.
Il-kunċett tal-fair play jiġbor valuri fundamentali tal-ħajja umana, relevanti fl-isport u fir-relazzjonijiet umani u soċjali. Anġlu Farrugia appella biex kulħadd jagħmel l-almu tiegħu ħalli kull attività sportiva tibqa’ safja u ’l bogħod minn perikli ta’ abbuż minn sustanzi projbiti bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni sportiva tal-atleti (doping), mit-tixħim, mill-vjolenza fl-isport u mill-kummerċjaliżmu li qed jiddomina l-isport. “Dan l-għadu tal-isport jingħeleb biss billi nisħqu dwar il-valuri awtentiċi sportivi u moralment tajbin, u li nagħmlu kull attività sportiva ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ tagħna”, ikkonkluda l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Il-wirja fotografika ttellgħet b’kollaborazzjoni mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-żgħażagħ, sport u l-ġlieda kontra l-obeżità, Ryan Callus, u TimSportPN.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Membru Parlamentari Ryan Callus indirizzaw lil dawk preżenti.
Il-pubbliku mistieden iżur din il-wirja fil-binja tal-Parlament sal-Ġimgħa, 27 ta’ April 2018, bejn id-9 ta’ filgħodu u l-5 ta’ waranofsinhar (matul il-ġimgħa) u s-Sibt u l-Ħadd bejn id-9.30 ta’ filgħodu san-nofsiegħa.