L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, inawgura Wirja Artistika b’Tifkira lil George Fenech – artist u għalliem mill-Mellieħa, li għex bejn l-1926 u l-2011.
Il-wirja tiġbor xogħlijiet artistiċi kemm ta’ George Fenech innifsu, kif ukoll ta’ xi whud mill-istudenti tiegħu li nissel fihom imħabba lejn l-arti.
George Fenech jitqies bħala fost l-esponenti ewlenin tal-arti f’Malta ta’ żmienna. Din il-wirja kienet possibbli bis-sehem u kollaborazzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
L-Ispeaker sellem lil George Fenech bħala l-artist tal-paesaġġ Malti. Fi kliemu, “il-patrimonju artistiku ta’ George Fenech jeħtieġ li nifhmuh fil-kuntest tal-mgħoddija ta’ żmien. Fl-għajnejn l-artist, il-kampanja, is-sbuħija tal-ambjent naturali, il-ħidma tal-bidwi fl-għelieqi, is-sajjied tal-qarnit u tat-tonn, u l-esseri uman jieħdu dimensjoni oħra, mhux aktar fiżika iżda spiritwali. F’dan il-kuntest, huwa jagħraf juri l-armonija tal-paesaġġ Malti, mas-sempliċità u t-trankwillità tal-ħajja.”
Fil-kuntest ta’ Malta illum u tal-ġejjieni, Anġlu Farrugia saħaq fuq il-ħtieġa tal-ħarsien tal-ambjent naturali u rurali Malti, għaliex dan l-ambjent huwa fiżikament u intrinsikament Malti u għaldaqstant, uniku.
“Aħna ma nistgħux nitilfu dawn l-affarijiet li jagħmlu lil Malta tagħna u qasam importanti bħal dak rurali, li minkejja żgħir, huwa meħtieġ għal għixien tagħna,” tenna l-Ispeaker.
L-Ispeaker emfażiza dwar l-importanza li jinżamm paesaġġ naturali u nadif għaliex huwa relatat mal-bżonn tal-poplu Malti u tat-turisti li jżuru pajjiżna li jsibu post ta’ serħan fejn wieħed jissaffa mit-toqol u l-piżijiet tal-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo indirizza wkoll lil dawk preżenti.
Il-pubbliku huwa mistieden iżur din il-wirja sat-22 ta’ Jannar 2017, matul il-ġimgħa bejn 09.00 ta’ filgħodu u l-16.00 ta’ wara nofsinhar, is-Sibtijiet u Ħdud, bejn 09.00 ta’ filgħodu u in-12.30.
Ritratt: Pierre Sammut – DOI