Ġiet inawgurata l-istatwa ta’ Santa Marija fil-pjazza tal-Imqabba wara nuqqas ta’ snin sħaħ ta’ attenzjoni. F’ċerimonja tal-inawgurazzjoni ġie spjegat fil-fatt li parti mill-istatwa, bħall-koppla tal-knisja biswitha, inqerdet tul il-Gwerra mingħajr ma qatt sar xi xogħol fuqha.
Il-proġett tmexxa mis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re George V fil-lokalità stess, kif spjega l-President Carlo Sciberras.
Qal, “Dejjem ħassejna l-ħtieġa tal-Imqabbin u x-xewqa li tiġi restawrata, filfatt kienet l-unika statwa fil-pjazza li ma kinitx għada ġiet restawrata.”
Magħna spjega wkoll li bil-għajnuna tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, sar xogħol kbir fuq il-ġebla.
Spjega, “Kellha bżonn kbir li tiġi restawrata u kellha bżonn intervent kbir fil-ġebla. Kienet tista’ tgħid marida, u mtliet bis-swidija. L-intervent sar verament intensiv fuq il-ġebla, bħal tindif.”
Is-Sindku tal-lokalità Omar Farrugia wera sodisfazzjon għax-xogħlijiet li wettqet is-Soċjetà fuq dan il-ġojjel fil-qalba tar-raħal.
Qal, “L-istatwa hija fil-qalba taċ-ċentru tar-raħal tagħna tal-Imqabba u se ssebbaħ mar-riġenerazzjoni sħiħa li wettaqna fil-jiem li għaddew.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li dan il-proġett jikkumplimenta investiment maġġuri li qed isir biex Malta kollha tkun żona turistika, li se tippermetti li l-gżejjer Maltin jagħtu esperjenza turistika ħolistika u ta’ kwalità.