Kienet inawgurata l-għaxar edizzjoni tal-Valletta Boat Show, avveniment li għalih jipparteċipaw esebituri ta’ dgħajjes ewlenin; kemm lokali u kemm barranin.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg faħħar kemm lill-organizzatur tal-Valletta Boat Show, lis-Sinjur John Formosa kif ukoll lill-kollaboraturi tiegħu għall-organizzazjoni tal-attività. Il-Ministru tkellem dwar il-qabża kbira ’l quddiem li għamlet din il-wirja mill-ewwel edizzjoni tagħha, li kienet bdiet b’total ta’ għaxar eżibituri, bl-ikbar dgħajsa kienet ta’daqs ta’ 15-il metru. Il-wirja ta’ din is-sena, li qiegħda tittella’ fil-Marina di Valletta, għandha 35 eżibitur bl-ikbar dgħajsa b’daqs impressjonanti ta’ 25 metru. Il-Ministru esprima l-pjaċir tiegħu meta jara li n-numru ta’ eżibituri żdied flimkien mad-domanda għad-dgħajjes, żieda li tidher ukoll fid-daqs tad-dgħajjes parteċipanti fil-wirja. Huwa żied jgħid li dan imur id f’id mat-tkabbir ekonomiku li Malta ilha tesperjenza għal dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru faħħar lill-Marina di Valletta, u semmieha bħala l-ewwel marina miftuħa taħt l-amministrazzjoni preżenti. Frott ta’ investiment ta’ €7.45 miljun minn konsorzju ffurmat bejn Marina di Varazze Srl Esprit Yachting u numru ta’ kumpaniji lokali sinonimi ma’ valuri sodi tradizzjonali u esperti fl-oqsma rispettivi tagħhom, il-Marina ser tipprovdi irmiġġ sigur għal aktar minn 250 jott ta’ daqsijiet differenti matul is-sena kollha. Dan għandu jipprovdi għajnuna għad-domanda għall-irmiġġ li dejjem qiegħda tikber. Bħalissa, il-Marina qiegħda tospita madwar 90 dgħajsa.
Dr Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu meta jara li l-inħawi, li kienu mitluqa, issa jospitaw destinazzjoni internazzjonali tal-yachting li tinsab fil-quċċata ta’ dan is-settur.
Huwa faħħar lil Transport Malta tal-assistenza li jagħtu lil dan il-Boat Show. Il-Ministru kompla billi tkellem dwar l-irwol ċentrali li l-Awtorità kellha fil-bosta kisbiet li saru f’ dan is-settur. Malta esperjenzat ukoll żieda fin-numru ta’ dgħajjes tad-divertiment irreġistrati taħt l-Att tal-Bastimenti Merkantili, qal Dr Borg. Il-maġġoranza ta’ dawn il-jottijiet, speċjalment dawk sa 15-il metru, għandhom propjetarji Maltin. Matul l-aħħar erba’ snin, il-bandiera Maltija rreġistrat żieda ta’ aktar minn 45% fir-reġistrazzjoni ta’ jottijiet tad-divertiment, minn total ta’ 2,931 fl-2013 għal 4,278 fl-2017. “Fl-2017 biss, rajna żieda ta’ 15% fir-reġistrazzjoni tas-superyachts, settur li qiegħed jiffjorixxi fl-industrija marittima ta’ Malta. Dan, flimkien mat-tkabbir sostanzjali fir-reġistrazzjoni tal-bastimenti merkantili, huwa sinjal tal-ispinta pożittiva li l-ekonomija Maltija qabdet f’dawn l-aħħar snin,” ikkonkluda l-Ministru.