Ġie ċċelebrat l-ewwel tragward importanti fil-vjaġġ tal-Malta International Contemporary Art Space, il-MICAS, hekk kif din l-entità ospitat l-ewwel wirja tal-arti tagħha, bit-tema “What is to become is already here”, ta’ Conrad Shawcross.
L-inawgurazzjoni tas-sensiela ta’ installazzjonijiet tal-arti mill-artist kontemporanju Ingliż, fl-isfond tal-arkitettura militari storika tal-Ospizio, immarkat ukoll it-tnedija tal-ħames edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend.
L-artist qal kif kien wieħed mill-ewwel artisti li żar Malta bħala mistieden ta’ MICAS u immedjatament kien ħass rabta mal-istorja u l-ġeografija ta’ Malta.
Minn dakinhar, MICAS ikkollaborat mill-qrib miegħu biex ikun jista’ juri x-xogħol artistiku tiegħu, mifrux tul is-sit kollu ta’ MICAS.
“It’s a huge honor and super exciting, I mean these works are very inspiring. I love showing my work outside the gallery context and these spaces, so it’s been wonderful.”
Conrad Shawcross – Artist Kontemporanju
Iċ-Chairperson ta’ MICAS Phyllis Muscat qalet li l-mira tal-entità hi li tiżviluppa programm internazzjonali b’saħħtu u varjat, u li tesebixxi arti u artisti kontemporanji eċċezzjonali.
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Arti Owen Bonnici faħħar il-ħidma li qed issir biex medda kbira ta’ art fil-Furjana, mdawra b’arkitettura militari storika u li kienet mitluqa u mhux aċċessibbli, tingħata lura lill-pubbliku bis-saħħa tal-kultura.
“L-ewwel installazzjoni li saret fuq il-post fejn ġew in-nies u setgħu jaraw ix-xogħol li qiegħed isir u se jkompli jsir biex dan il-post fil-Furjana jingħata lura lill-pubbliku u jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin.”
Owen Bonnici – Ministru
Il-MICAS International Art Weekend attira udjenza internazzjonali notevoli, u kompla tul il-jum tas-Sibt anki bis-sehem tad-Direttur Amerikan tal-Mużewijiet, Timothy Rub.