Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana inawgurat Casa Amalia, dar ġdida għall-anzjani immexxija mill-privat li tinsab fil-qalba tar-Rabat, Għawdex.Waqt l-ftuħ uffiċjali ta’ Casa Amalia, il-Ministeru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-ftuħ ta’ din id-dar ifisser li din hija l-ewwel darba li l-privat f’Għawdex qed jinvesti fis-servizzi għall-anzjani. Ifisser li bil-preżenza tas-settur privat f’dan il-qasam, il-Gvern ikun jista’ wkoll iżid is-servizzi offruti minnu. Fil-fatt il-Ministeru għal Għawdex daħal fi ftehim biex jixtri servizzi professjonali minn Casa Amalia, liema dar ser tispeċjalizza fil-kura tad-dimensja. Il-Ministru għal Għawdex qalet li il-Gvern hu kommess li matul din il-leġislatura joħloq 500 sodda ġdida għall-anzjani f’Għawdex, hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali u fakret kif fil-budget li kien preżentat, dan is-settur f’Għawdex ra żieda fl-allokazjoni tiegħu.
Il-Ministru Caruana qalet li Casa Amalia ser taqdi funzjoni importanti hekk kif din id-dar tinsab fil-qalba tal-komunità tal-Belt Victoria u b’hekk, l-anzjani ser ikunu qed jingħataw il-kura fil-qalba tal-komunita’ u dan jirrispetta l-politika li qed iħaddan il-Gvern f’dan is-settur biex kemm jista’ jkun inżommu lill-anzjani tagħna fil-komunità. Justyne Caruana rringrazzjat lil iCare Ltd. għall-impenn tagħhom fil-qasam tal-anzjani speċjalment fid-dimensja li mhux biss ser jagħtu servizz imma wkoll ser jinħolqu impjiegi ġodda.
Casa Amalia għandha 23 sodda mifruxa fuq tliet sulari u toffri faċilitajiet kemm għall-koppji kif ukoll għal persuni waħidhom. Il-kmamar huma kollha mgħammra b’faċilitajiet moderni li jassiguraw kura ta’ kwalità u dinjità lill-anzjani. Id-dar hi maħsuba li ser tilqa’ l-ewwel anzjani fil-ġimgħat li ġejjin.
Ritratt: MGOZ