B’żewġ avvizi legali li daħlu fil-jum tal-Ħamis, seħħew żewġ bidliet importanti li se jkomplu jsaħħu l-qasam tal-ġudikatura u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, anke b’konformità mal-proposti tal-Kummissjoni Venezja.
Dan tħabbar propju f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, fejn spjega li dawn it-tibdiliet jinkludu każijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ inkjesti maġisterjali, investigazzjonijiet tal-Pulizija, terroriżmu, omiċidji fost l-oħrajn.
Il-Ministru Zammit Lewis stqarr, “Żewġ tibdiliet importanti, l-Avukat Ġenerali d-deċiżjonijiet li jieħdu se jkun hemm stħarriġ ġudizjarju jiġifieri l-qorti ser tara jekk mexiex sew l-Avukat Ġenerali, dawn biex naqtgħu trent li ilha ġejja għexieren ta’ snin mhux taħt il-PL li dak li jgħidu l-AĠ ma jkun hemm review tiegħu. It-tieni punt l-aktar reati importanti f’pajjiżna l-iktar serji u gravi jinvestigawhom il-Pulizija, però jkun l-Avukat Ġenerali li jara li jittieħdux il-Qorti jew le xi ħaġa li nemmnu fiha u qaltilna l-Kummissjoni Venezja.”
Il-Ministru Zammit Lewis aċċena kif b’dawn il-bidliet pajjiżna se jkompli jsaħħaħ u jtejjeb il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt, u li dawn jikkumplimentaw ir-riformi storiċi ta’ dan il-Gvern f’temp ta’ ftit xhur.
Fl-istess konferenza u fil-preżenza tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u diversi Avukati minn dan l-uffiċju, ġiet inawgurata wkoll il-binja l-ġdida tal-Avukat Ġenerali fil-Belt Valletta, b’investiment ta’ erba’ miljun u nofs ewro.
Fid-diskors tagħha, Dr Buttigieg qalet li b’din il-bidla, anke parti mir-riforma ġudizjarja, ser inkomplu ntejbu u nassiguraw l-ogħla livell u nagħtu servizz ta’ kwalità liċ-ċittaddini Maltin u Għawdxin.
Victoria Buttieg nħatret f’din il-kariga kruċjali wara sejħa pubblika u ntagħżel minn Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti minn tliet imħallfin emeriti.