B’investiment ta’ €5 miljun, ġiet inawgurata binja oħra ta’ housing soċjali, li ssemmiet għall-mibki eks-Ministru Laburista Dr Joe Brincat, li ħalla din id-dinja aktar kmieni din is-sena.
Minn dan il-proġett fil-lokalità ta’ Ħal Luqa se jibbenefikaw 46 familja, li se jingħataw kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar dinjituża, b’appartamenti li jvarjaw fil-kobor minn kamra tas-sodda waħda sa tlieta.
F’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, ingħad li l-binja hi mgħammra wkoll b’55 garaxx u spazji addattati għal karozzi ta’ persuni b’diżabilità.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, spjega kif dan il-proġett hu monument ħaj ta’ tama u dinjità, waqt li żied li ġie deċiż li l-binja tissemma għal Joe Brincat, li tul ħajtu kollha baqa’ jħaddan ruħ soċjali u jaħdem favur il-batut.
“Fost l-oħrajn, fiż-żona ta’ Wied il-Knejjes, f’Ħal Luqa, għamilna dan il-kumpless imsemmi għall-mibki Joe Brincat, eks Ministru tal-Housing, li ħadem ukoll fil-qasam soċjali u kien xieraq li l-proġett jissemma għalih, għax, finalment, dan hu l-frott ta’ ħidma li qed jagħmel dan il-Gvern biex ikompli jgħolli l-istandard of living għall-familji li qed isibu l-opportunità biex jimxu ’l quddiem.”
Il-Ministru Roderick Galdes
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm qraba ta’ Dr Brincat innifsu, li qalu li dan hu ta’ unur għalihom.
Dwar dan tkellimna ma’ ibnu, Stephan Brincat, li kien akkumpanjat minn ommu u mart Dr Brincat.
“Hu unur kbir ovvjament li ssemma l-post għall-papà, li qed iħares lejna u jkun ta’ pjaċir kbir għalih. Fl-aħħar mill-aħħar, hu l-importanza tal-benefiċċju għan-nies li se jgawdu minn dan il-post. Sitta u erbgħin familja, li se jgawdu minn dan il-kumpless, hu aktar importanti. Għalina hu unur kbir u għall-mamà wkoll.”
Stephan Brincat – iben Dr Joe Brincat