Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura l-berġa tas-saħħa f’Ħal Għaxaq wara li sarilha xogħol estensiv ta’ rinovar.
Issa, il-berġa se toffri sitt servizzi lil madwar ħamest elef resident, tlieta minnhom huma servizzi li s’issa qatt ma ngħataw f’din il-berġa.
Issa, wieħed jista’ jmur fil-berġa ta’ Ħal Għaxaq jekk jixtieq servizz ta’:
- Tabib tal-familja;
- Fiżjoterapija;
- Podjatrija;
- Speċjalista tan-nutrizzjoni;
- Terapista tal-lingwa, jew
- Klinika għal ħarsien ġenerali.
Fost ix-xogħlijiet li saru fuq dan il-proġett, hemm l-introduzzjoni ta’ sistema diġitali li żżomm l-informazzjoni tal-pazjenti, faċilitajiet għall-fiżjoterapija u l-podjatrija, u faċilitajiet aktar moderni tal-ħasil tal-idejn anke fil-kmamar fejn isiru xi konsultazzjonijiet mediċi.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar li dan kollu sar grazzi għal investiment ta’ €12,000, u huwa parti mill-programm ta’ investiment tal-Kura Primarja li jammonta għal €10 miljun mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.
Huwa qal: “Il-Kura Primarja hija l-qafas u s-sinsla tas-servizz tas-saħħa tagħna. Aħna nifhmu li sptarijiet huma importanti imma dawn għandhom iservu biss meta pazjent ma jkunx jista’ jieħu l-kura mill-komunità tiegħu. Din ma kinitx il-politika dejjem ta’ gvernijiet passati, li kienu aktar iffukaw fuq il-kura terzjarja u abbandunaw prattikament il-kura fil-komunità.”