Waqt żjara uffiċjali li kellu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Polonja Zbigniew Rau f’pajjiżna, il-Polonja fetħet b’mod uffiċjali l-Ambaxxata tagħha f’Malta fil-preżenza tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg.
Iż-żewġ Ministri kellhom wkoll laqgħa bilaterali fejn fiha ġie mtenni l-impenn taż-żewġ pajjiżi li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi ta’ aktar minn 50 sena.
Bħala parti minn dawn id-diskussjonijiet, il-Ministru Borg saħaq li hekk kif issa l-Polonja wkoll fetħet b’mod uffiċjali r-rappreżentanza tagħha f’pajjiżna, huwa jinsab persważ li r-relazzjonijiet diplomatiċi u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi ser jkomplu jissaħħu. Huwa nnota wkoll l-konnettività tajba li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi u kif din hija ta’ importanza għat-tisħiħ ta’ kummerċ ma’ pajjiżna, b’mod partikolari fit-turiżmu u t-tagħlim tal-lingwa Ingliża.
Matul din il-laqgħa kienu diskussi wkoll temi politiċi kurrenti bħall-invażjoni Russa fl-Ukrajna, is-sehem ta’ Malta fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, l-pożizzjonijiet taż-żewġ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u temi reġjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Polonja Zbigniew Rau esprima li hu ta’ unur għalih li, mill-2019 sal-lum, huwa l-ewwel Ministru Pollakk li żar b’mod uffiċjali lil pajjiżna. Huwa qal li jħares ’il quddiem sabiex ikompli jissaħħaħ il-kummerċ ma’ pajjiżna anka wara r-rekord li inkiseb f’dawn l-aħħar snin.
Il-Ministru Rau tenna li l-Polonja tifhem anke il-pożizzjoni ta’ Malta f’dik li hi problema tal-immigrazzjoni rregolari hekk kif il-Polonja, bħal Malta, huwa pajjiż li jinsab fuq fruntiera tal-Ewropa. Huwa kompla jikkonferma li l-Polonja se tkompli tkun ta’ appoġġ għal-liġi internazzjonali fid-dawl tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna.