Fl-Għarb, biswit il-kunsill lokali u l-iskola primarja, ġiet inawgurata klinika tas-saħħa fil-komunità.
Din il-klinika se toffri ħames servizzi lir-residenti tal-Għarb u tal-madwar; li huma t-tabib tal-familja, servizz ta’ infermiera, podjatrija, fiżjoterapija u patoloġija tal-lingwa mitkellma.
Il-proġett kien iffinanzjat mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF.
Il-klinika fl-Għarb ġiet inawgurata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, u l-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Il-Ministru tas-Saħħa saħaq li l-ftuħ ta’ kliniċi ġodda fil-komunità qed isir anki f’Għawdex biex is-servizzi tas-saħħa jkomplu jkunu dejjem iżjed viċin il-komunitajiet.
Huwa fakkar fil-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-influwenza u tal-booster tal-Omicron li jibdew mit-Tnejn, sbatax t’Ottubru, u li se jingħataw miċ-Ċentri tas-Saħħa u mill-kliniċi fil-komunità skedati, inkluż f’din il-klinika ġdida fl-Għarb.
Qal, “Mill-ġimgħa d-dieħla stess se jibda t-tilqim tal-influwenza u tal-Covid għat-tfal u għall-adulti ta’ dawn l-inħawi, inħeġġu lil kulħadd biex jieħu dan it-tilqim, li huwa mingħajr ħlas.”
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri qal li proġetti bħal dawn ikomplu jsaħħu l-kura tas-saħħa f’Għawdex u jilħqu l-bżonnijiet tan-nies b’iktar effiċjenza.
Qal, “Qed inkomplu wkoll nifirxu aktar community clinics ma’ diversi partijiet ta’ Malta kif ukoll t’Għawdex sabiex inwasslu l-aħjar servizz lir-residenti tagħna.”