Ġiet inawgurata klinika ġdida għall-komunità fil-lokalità ta’ Ħal Għargħur. Din il-klinika se tkun qed toffri s-servizzi ta’ tabib tal-familja, speech and language pathology, kif ukoll podjatrija, fost servizzi oħrajn.
Il-klinika ġdida, li kienet parzjalment iffinanzjata mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF, se tkun qed taqdi ’l fuq minn 5,000 persuna residenti kif ukoll persuni li jgħixu fil-madwar.
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, li din il-ġimgħa wkoll ta elenku ta’ proġetti fil-kura tas-saħħa li se jitwettqu din is-sena, spjega kif il-firxa ta’ servizzi tal-kura primarja fil-kliniċi tal-komunità huma konformi mal-ħidma tal-WHO fejn is-sistemi u s-servizzi tal-kura tas-saħħa jaħdmu l-aħjar meta jersqu eqreb lejn il-komunità.
L-għan primarju ta’ din il-viżjoni hu li l-isforzi u l-ħidma li qed issir fil-kura tas-saħħa primarja tkun iċċentrata fuq il-pazjent.
“Il-popolazzjoni ta’ Ħal Għargħur hi ’l fuq minn ħamest elef li se jkunu qed jibbenefikaw minn servizzi bħal speech therapy, podiatry, nurse led clinics kif ukoll is-servizz tat-tabib tal-familja.”