B’investiment ta’ erbgħin elf ewro, inkluż mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, inawgura klinika ġdida fil-komunità ta’ San Ġiljan.
Din il-klinika, li nħolqot b’kollaborazzjoni mal-Kunsill u l-parroċċa ta’ San Ġiljan, se tkun qed toffri diversi servizzi lil aktar minn tlettax-il elf u ħames mitt resident fl-akwati.

Il-Ministru Abela spjega li n-numru ta’ kliniċi fil-komunità issa tela’ għal disgħa u għoxrin fejn jinqdew ’il fuq minn mitt elf pazjent matul is-sena, permezz ta’ programm ħolistiku bbażat fuq il-kura preventiva.
Il-Ministru qal ukoll li, minbarra kura ġenerali, is-servizzi tal-fiżjoterapija, podjatrija u patoloġija tal-lingwa mitkellma qed ikomplu jiġu introdotti fi kliniċi tal-komunità biex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tar-residenti.
Hu qal li, b’dan il-mudell, il-kura tas-saħħa primarja qed tkompli tpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru tagħha u l-Gvern determinat li jkompli jsaħħaħha biex tkun eqreb tal-pazjent.
“Il-kura tas-saħħa primarja hi pilastru tas-saħħa f’pajjiżna u aħna lesti li nkomplu ninvestu fiha. Din il-klinika ġdida f’San Ġiljan saret b’rinnovazzjoni ta’ ’l fuq minn €40,000. F’din il-klinika se jkollna s-servizzi ta’ tabib tal-familja, infermerija, podjatrija, fiżjoterapija kif ukoll speech and language therapy għall-adulti u t-tfal.”