Il-Gvern flimkien mal-Kunsill Lokali Kalkariż inawgura berġa ġdida fil-Kalkara
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu.
Huwa spjega kif din il-klinika apparti li se tkun qed toffri s-servizzi tagħha lil madwar 3,000 resident fl-inħawi, se tkompli twassal l-aqwa servizzi ta’ saħħa lil hinn mill-isptar.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li din il-berġa tikkumplimenta l-istrateġija tal-Gvern li tqarreb is-servizzi tas-saħħa fil-komunitajiet filwaqt li tkompli tnaqqas il-pressjoni minn fuq l-isptar Mater Dei.
Fil-fatt huwa sostna kif fl-aħħar tliet snin, permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Kura tas-Saħħa Primarja u l-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali nfetħu 14-il ċentru komunitarju tas-saħħa madwar Malta u Għawdex.
Din il-berġa partikolari se tkun qed toffri servizz tat-tabib tal-familja u tal-infermier, flimkien mas-servizzi speċjalizzati tal-patoloġija, tal-lingwa mitkellma, fiżjoterapija, podjatrija, u tas-saħħa mentali.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, sostna kif din il-Berġa partikolari ġiet żviluppata bi flus mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.
Qal, “Dan huwa parti minn investiment usa, parti minn investiment ikbar. Infatti l-NDSF kienet ivvutat xejn inqas minn €10 miljuni biex ninvestuhom kompletament fil-kura tas-saħħa primarja tagħna. Il-politika tal-Gvern hija li kull fejn nistgħu nagħtu l-kura fil-qalba tal-komunità tagħna.”
Minn naħa tiegħu s-Sindku tal-Kalkara s-Sur Wayne Aquilina rringrazzja lil Gvern għal dan l-investiment li se jfisser ħafna għall-komunità Karkariża.
Spjega, “Illum f’isem ir-residenti tagħna ndur lejkhom u ngħid grazzi talli emmintu fir-raħal tagħna u talli tajtuna klinika tal-ogħla livella. Naprezza u sodisfatt bil-qabża fil-kwalità li se noffru lir-residenti tagħna.”