Ġie inawgurat Ċentru għat-Tagħlim Kreattiv fl-Iskola Primarja tal-Isla, Kulleġġ Santa Margerita, li se sservi ta’ għodda utli sabiex l-edukaturi jibdew irawwmu lill-istudenti fis-suġġetti STEAM b’mod kreattiv u prattiku.
Dan iċ-Ċentru għandu t-tagħmir kollu neċessarju sabiex l-istudenti ta’ din l-iskola jkunu jistgħu jaraw b’għajnejhom u jinteraġixxu b’mod prattiku mas-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, li stqarr li investimenti bħal dawn ifissru li l-istudenti jistgħu jitgħallmu b’mod ferm aktar kreattiv minn qabel.
Il-Ministru qal li apparti l-fatt li dan it-tagħmir se jqarreb lit-tfal lejn bażi ta’ karrieri diversi, se jservi wkoll bħala għodda ġdida għall-edukaturi ta’ din l-iskola.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima spjega li, “Dawn it-tip ta’ inizjattivi jassiguraw li nagħtu proprju r-riżorsi neċessarji lill-edukaturi tagħna li jaħdmu b’tant imħabba u tant dedikazzjoni, sabiex fit-tagħlim tagħhom lill-istudenti tagħna, it-tfal tagħna jkollhom dak kollu meħtieġ sabiex ikunu suċċess.”
Dan iċ-ċentru sar permezz ta’ impenn mill-amministrazzjoni tal-iskola u l-edukaturi li taw il-kontribut tagħhom għal dik li qed tissejjaħ bħala “il-Klassi tal-Futur”, li tista’ anke tiġi mmodifikata biex tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ diversi studenti.
Fost l-oħrajn, iċ-ċentru jippermetti li l-istudenti jagħmlu r-riċerka u jiskopru affarjiet ġodda permezz ta’ stejjer diġitali, fejn se jkunu jistgħu jitgħallmu aktar dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika.
Il-Kap tal-Iskola tal-Isla, Anna Napier qalet li hekk kif l-istudent individwali jaħdem bil-pass tiegħu, ikun qed jilħaq il-potenzjal tiegħu, u waqt dan il-proċess, l-edukaturi se jkunu hemm sabiex jiżirgħu l-kurżitá u l-innovazzjoni fit-tfal.
Il-Kap tal-Iskola qalet li, “L-iktar li qiegħdin ninkoraġixxu hija li jkun hemm kritika kostruttiva, innovazzjoni, u għandhom ċans li jesploraw bit-teknoloġija ħalli jkunu jistgħu jimxu aktar ‘il quddiem fid-dinja tal-lum.”