Il-ħdax-il proġett ta’ Kilimanjaro Challenge Malta għadu kif ġie inawgurat, hekk kif infetħet Kindergarten f’kommunita’ fqira fl-Etjopja.
F’dawn l-aħħar ħdax-il sena, inġabru aktar minn €700,000 f’fondi għal proġetti differenti fil-Kenja u l-Etjopja. Dawn il-proġetti kollha ġew ikkoordinati mill-Moviment Missjunarju Ġesu’ fil-Proxxmu, imwaqqaf Dun. George Grima, li sfortunatament ħalla din id-dinja f’Settembru tas-sena l-oħra.
Fl-aħħar sena, it-tim ġabar €75,000 għal dan l-aħħar proġett, Kindergarten f’Wush Wush, Etjopja, villaġġ żgħir fejn 800 familja jgħixu f’faqar estrem. L-iskola se tospita 150 student u toffrilhom edukazzjoni bażika waqt li ittihom platt ikel kuljum. l-proġett qed jiġi ddedikat lil Philip Bonett.
Fil-5 ta ‘Jannar 2018, it-tmintax-il membru tat- tim ta’ Kilimanjaro Challenge Malta waslu fuq il-quċċata ta’ Mount Kilimanjaro, l-ogħla muntajna freestanding fid-dinja. It-tim ħadem bla heda biex jitħarreġ għal din l-avventura u jiġbor fondi għall-proġett.
Waqt il-mawra tagħhom fl-Etjopja, it-tim se jiġu inawgurati ukoll proġetti oħra li huma ffinanzjati miill- Moviment Ġesu fil-Proxxmu. “Din is-sena qed inħossu ħafna in-nuqqas ta’ Dun Ġorg Grima, madanakollu, ċert li qed iberikna minn hemm fuq, biex inkomplu nimxu fuq il-passi tiegħu,” qal Keith Marshall, il-fundatur ta’ Kilimanjaro Challenge Malta.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali ta’ Facebook ta’ Kilimanjaro Challenge Malta.