L-Erbgħa filgħodu, waqt laqgħa fil-Kunsill Lokali tas-Swieqi, il-Viċi Sindku tas-Swieqi Mary Anne Abela u l-President tal-Optimist Club of Malta, Reuben Buttigieg inawguraw il-proġett bl-isem Ikber Magħna. Inizjattiva li nħolqot mill-Assoċċjazzjoni, Optimist International.
Din l-inizjattiva se sservi bħala pjattaforma li permezz tagħha, t-tfal jingħataw l-għajnuna fl-edukazzjoni wara li joħorġu mill-iskola.
Mal-mikrofonu ta’ ONE Il-President tal-Optimist Club of Malta, Reuben Buttigieg stqarr li minħabba diversi raġunjiet soċjali, mhux kulħadd għandu l-opportunità li jasal id-dar u jsib l-għajnuna meħtieġa fl-istudju jew biex jagħmel il-homework u għalhekk din l-inizjattiva ser tgħin sabiex tissodisfa dawn il-bżonnijiet.
“Dan għalhekk ikber magħna , jiġifieri aħna l-organizzazzjoni qed tikber bit-tfal. Illum għandna madwar 120 tifel u tifla fejn magħhom nikbru, ngħinuhom biex jaqsmu l-problemi ma’ xulxin ukoll u jitħalltu soċjalment għax ġeneralment il-problemi meta taqsamhom ma’ sħabek tħosshom ftit inqas u allura għandna l-helpers hemmhekk fejn jgħinu kemm fil-homework, kemm fl-istudju u kemm f’attivitajiet extra kurrikulum li nagħmlu matul is-sena.”
Il-Viċi Sindku tas-Swieqi, Mary Anne Abela stqarret ma’ ONE news li l-għan aħħari wara din l-inizjattiva huwa fuq kollox li tgħin lit-tfal b’ċertu nuqqasijiet li jaf isibu mid-dar.
“Kif semmejna il-familja kultant ma jkollhomx ħin biex jagħtuhom l-attenzjoni li jkollhom bżonn u dawn it-tfal oħrajn jgħinu lil-istess tfal, forsi tfal naqra kbar jgħinu lil tfal naqr iżgħar u jagħtuhom dik l-attenzjoni li jkun jonqoshom dejjem jagħtihom dik il-boost biex anke jsiru jħobbu l-istudju, l-iskola u jimxu ’l quddiem fl-iskola. Nimmaġina, kulħadd irid jimxi ‘l quddiem. Kulħadd irid lit-tfal tiegħu li jimxu ‘l quddiem.”