Biex jiġi żgurat ambjent aktar nadif u miżmum kif jixraq, id-Dipartiment governattiv għat-Tindif u l-Manutenzjoni inawgura tagħmir ġdid u modern wara investiment ta’ tlieta punt tliet miljun ewro, li se jiżdied ma’ investiment ieħor qawwi li tħabbar fl-aħħar xhur.
L-investiment il-ġdid ġie ppreżentat waqt konferenza għall-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield.
Kif spjega Ramon Deguara, id-Direttur Ġenerali tal-istess dipartiment, il-flotta l-ġdida hija mgħammra bl-aħħar teknoloġija li tipprovdi anke statistika b’mod immedjat.
“Investiment f’magni għal tal-ewwel darba f’pajjiżna, li qed naraw li huma qed jaħdmu bl-aqwa mezz ta’ teknoloġija, bl-intelliġenza artifiċjali, li dawn se jkunu ukoll qegħdin jagħtuna stampa aħjar ta’ x’hemm fit-toroq ta’ pajjiżna. Jiġifieri l-materjal li naraw fit-toroq jkun immoniterjat il-ħin kollu, minn frekwenza għall-oħra, u li se jkun qed jgħinna nippjanaw aħjar il-bżonnijiet fejn ikun hemm bżonn li jsir intervent b’dawn it-tip ta’ magni.”
Kull vettura tista’ wkoll tiġi mmoniterjata miċ-ċentru tal-kontroll fi ħdan d-Dipartiment għal iżjed effiċjenza fil-ħidma ta’ dawk kollha involuti.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield fisser kif dan l-investiment se jkompli joffri l-aqwa għodod lill-ħaddiema.
“L-indafa tħalli mpatt fuq dak kollu li nagħmlu bħala soċjetà u, permezz ta’ dan l-investiment flimkien ma’ investimenti fin-nies li rridu nagħmlu, se ngħollu l-livell tal-indafa fil-lokalità tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo enfasizza li dan l-investiment qed jaħdem favur Malta aqwa u aktar attraenti.
“Pajjiż nadif hu pajjiż isbaħ, hu pajjiż iżjed organizzat, pajjiż li kapaċi jilqa’ lit-turisti u jagħti prodott turistiku aħjar, iżda, fuq kollox, pajjiż li joffri kwalità ta’ ħajja ogħla lir-residenti kollha.”
Fi Frar li għadda, id-Dipartiment ukoll nieda investiment ta’ kważi miljun u tliet mitt elf ewro f’apparat modern, li beda jintuża b’mod speċifiku f’Tas-Sliema u San Ġiljan, inkluż Paceville.
F’Ottubru tas-sena l-oħra wkoll tnieda l-Programm Nazzjonali tat-Tindif, bl-akbar investiment li qatt sar f’dan il-qasam.