F’konferenza tal-aħbarjiet ġiet inawgurata flotta ġdida t’ambulanzi b’teknoloġija tal-ogħla kwalità, li se jkomplu joffru livell ta’ servizz li jagħmel l-Isptar Mater Dei aktar kburi.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna kif dan is-servizz kruċjali ma jieqaf qatt, u għalhekk m’għandu qatt jieqaf jiġi mtejjeb b’investiment.
Huwa qal li f’dawn l-aħħar xhur dan id-dipartiment fi ħdan Mater Dei ra investimenti u tkabbir minkejja l-pandemija.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li b’dan l-investiment, id-Dipartiment tal-Emerġenza se jkun qed jiġi estiż fit-toroq Maltin.
“Illum nistgħu ngħidu li l-ambulanzi tagħna huma mobile ITUs. Jiġifieri kull ambulanza, inti qisek għandek ITU fuq ir-roti, bil-monitors, bil-ventilaturi li wieħed jara f’ITU moderna. Dan illum insibuh fl-ambulanzi tagħna, fl-ambulanzi l-ġodda.”
Intant, il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri sostna fuq l-importanza li l-kura tingħata mill-aktar fis possibbli f’kull ċirkostanza, kemm f’sitwazzjonijiet ta’ mard u anke inċidenti.
Qal li għalhekk huwa kruċjali li dawn l-ambulanzi joffru servizz bħal li kieku qegħdin fl-Isptar.
“Id-disinn ta’ dawn l-ambulanzi l-ġodda, tal-flotta l-ġdida qed iżżomm dan il-kunċett f’dan l-ambitu, jiġifieri aħna qed nikkunsidraw l-ambulanza bħala estenzjoni diretta tas-servizz li jingħata fid-dipartiment tal-emerġenza.”