Ġiet inawgurata l-faċċata restawrata tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija f’Ħ’Attard, li saret permezz t’investiment ta’ wieħed u sittin elf ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li d-dettall tal-faċċata huwa xhieda tat-talent Malti u l-imħabba li dejjem kellna għall-arti.
Il-Perit Herman Bonnici sostna kif dan id-disinn huwa wieħed uniku hekk kif jinsab fuq l-unika faċċata ddisinjata mill-iskultur Tumas Dingli li baqgħet fl-istat oriġinali tagħha.
Qal kif minħabba d-dettall tagħha, ix-xogħol ta’ restawr kien wieħed metikoluż: “L-intervent ta’ restawr kien wieħed pjuttost diffiċli anke minħabba n-natura tax-xogħol. Fil-fatt, kollox sar bl-idejn, anke t-tindif, li ma nagħmlux ħsara wkoll lill-ġebla, sar b’dak li ngħidulu impakki, jiġifieri trab tal-karta bl-ilma u użu ta’ brushes u għodod li huma fini u rqaq biex kemm jista’ jkun ma nagħmlux ħsara anke lil pattern oriġinali li kien hemm.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, stqarr li investimenti bħal dawn qed jassiguraw li wirt artna jiġi preservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Huwa qal, “Is-sinifikat ta’ dawn it-tip ta’ proġetti huwa li nieħdu ħsieb il-patrimonju ta’ dak li jsawwarna bħala Maltin. Fil-fatt, għaddejjin minn sensiela ta’ proġetti flimkien mal-Kurja fejn qed nagħmlu interventi ta’ restawr kemm fuq binjiet, kif ukoll fuq artifatti oħrajn Ekleżjastiċi permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, li qegħdin ninvestu fondi tal-Unjoni Ewropea direttament fil-qalba tal-komunitajiet, iżda permess tagħhom qed naraw li s-sabiħ li ħallew missirijietna nibqgħu nippreservawh sabiex igawduh ta’ warajna wkoll.”