Inawgurata l-fabbrika l-ġdida tal-kumpanija Finestral li timmanifattura aperturi tal-PVC.
B’investiment ta’ miljun u nofs ewro, il-Malta Industrial Parks allokat post fil-qasam industrijali ta’ San Ġwann biex saret il-fabbrika bi spazju ta’ elf u ħames mitt metru kwadru.
Inawgura din il-fabbrika l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Chris Cardona.
Dr. Cardona faħħar l-iżvilupp li għamlet din il-kumpanija li ħames snin ilu bdiet topera bi tliet ħaddiema u llum tagħti l-għajxien lil xejn inqas minn sitta u tletin ħaddiem.
Spjega kif il-manifattura hija t-tieni qasam li tħaddem l-aktar nies, ħdax fil-mija tal-ħaddiema huma involuti fl-industrija tal-manifattura.
“Jeħtieġ insaħħu dan b’kampanji edukattivi bħal ‘Make It’ li torjenta iżjed żgħażagħ biex tħajjarhom jitfgħu għonqhom għax-xogħol fil-manifattura”, saħaq il-Ministru Cardona.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Finestral Kenneth Azzopardi saħaq li l-kumpanija kienet kapaċi tinvesti għax żdiedet id-domanda għax-xogħol.
“Illum il-kumpanija tagħna timmanifattura xogħol ta’ kwalità anki billi tħaddem miżuri favur l-ambjent”, saħaq is-Sur Azzopardi.
Spjega kif il-fabbrika topera b’enerġija rinovabbli permezz ta’ panelli fotovoltajiċi u tirriċikla l-iskart li toħloq il-manifattura.