Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura tkabbir tal-fabbriki ta’ Pharmadox Healthcare Ltd fiż-żona industrijali ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid. Flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, il-Prim Ministru żar ukoll ix-xogħol li għaddej fuq fabbrika oħra fl-istess kumpless industrijali.
Id-Direttur tal-kumpanija, Peter Seychell, sostna kif l-investiment, li f’dan il-proġett jaqbeż is-€6.5 miljun, jikkonsisti f’estensjoni tal-fabbrika eżistenti, minn fejn qed joperaw u fabbrika oħra fl-istess kumpless industrijali.
B’hekk dan l-investiment wassal biex ikunu disponibbli servizzi li jvarjaw minn produzzjoni tal-Active Ingredient, li hu s-sustanza fil-mediċina, sal-produzzjoni tal-mediċina, l-ittestjar, l-ippakkeġġjar u l-istampar fuq prodotti farmaċewtiċi.
Minbarra hekk it-tkabbir, permezz ta’ dan l-investiment, wassal biex illum din il-kumpanija minn laboratorju tal-kimika ta’ 25 metru kwadru, għandha 1,500 metru kwadru f’laboratorji differenti.
Dan flimkien ma’ investiment, f’appart speċjalizzat, imħażen b’kapaċità għolja u blokka ġdida għal dak li hu magħruf bħala stability testing.
“L-investiment hu riżultat ta’ tkabbir li għamilna fl-aħħar tliet snin. Tkabbir li hu bla preċedent għalina fil-verità. Aħna, kif spjegajt qabel, nipprovaw nantiċipaw l-industrija fejn sejra, hi industrija esiġenti ħafna u nipprovaw kemm jista’ jkun inkunu fuq quddiem biex inkunu lesti għad-domanda li ġejja mill-klijent tagħna.”
Id-Direttur tal-kumpanija, Peter Seychell,
Wara li ltaqa’ mal-ħaddiema, fosthom xjenzati u speċjalisti f’din il-fabbrika ta’ sidien Maltin u li hi fdata bl-ittestjar ta’ ħafna mediċini ġejjin minn fost l-aqwa kumpaniji internazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela sostna l-importanza tad-diversifikazzjoni f’setturi li diġà jeżistu u b’hekk it-tisħiħ tal-industrija tal-farmaċewtika.
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif Pharmadox bdiet bi ftit ħaddiema u llum qed tqarreb lejn il-mitejn impjieg ta’ kwalità. Hawn sostna li pajjiżna qatt m’għandu jieħu s-suċċess ekonomiku ovvju, anke wara li aġenziji ta’ kreditu jinnotaw il-kisbiet ekonomiċi kbar ta’ Malta.
“Ara ma jkunx hemm xi ħadd li jieħu t-tkabbir ekonomiku for granted, anzi jekk it-tkabbir ekonomiku tħallih f’idejn id-dilettanti, kriżi jkollok fil-pajjiż. Rajniha tiġri fl-2013, qed nitkellmu ħdax-il sena ilu biss, fejn dan il-pajjiż għadda minn mumenti ekonomiċi li ma kinux sbieħ.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri sostna li l-espansjoni ta’ Pharmadox, l-unika kumpanija tal-farmaċewtika kompletament Maltija, hi turija tal-fiduċja li s-settur privat għandu fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Tenna kif dan ikompli jawgura tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna, filwaqt li rrimarka kif tkabbir bħal dan jista’ jsir ukoll, grazzi għall-ħidma konġunta bejn entitajiet varji fi ħdan id-dekasteru tal-ekonomija, l-INDIS u l-Malta Enterprise.
Sadanittant, il-Prim Ministru sostna wkoll mal-ġurnalisti l-importanza tal-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju u l-għażla ċara li din se tkun qed tippreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi.
“L-għażla fit-tmienja ta’ Ġunju se tkun waħda ċara ħafna, jekk aħniex se nkomplu bl-implimentazzjoni b’saħħitha tal-manifest elettorali jew nagħmlux dak li stedinna nagħmlu Justin Schembri, li tibda t-triq biex Bernard Grech isir Prim Ministru.”
Il-Prim Ministru Robert Abela