B’investiment ta’ sitt mija u għoxrin elf ewro (€620,000) ġiet inawgurata Dar Tereża f’Bormla, li se tilqa’ madwar seba’ ommijiet li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u li permezz ta’ professjonisti se jkunu mgħejjuna jiġu integrati lura fis-soċjetà.
Din ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, u l-Ministru għall-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli.
Din il-binja se titmexxa mir-Richmond Foundation u hi attrezzata b’diversi kmarar ewlenin, fosthom kċina, kmarar tas-sodda u kmarar tal-banju.
“Dar Tereża ħa tkun programm residenzjali għall-ommijiet u t-tfal tagħhom. Ir-Richmond Foundation toffri servizzi fil-komunità għan-nies li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u allura dan il-programm ħa jkun qed joffri eżattament dak.”
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li x-xogħlijiet maġġuri li saru internament saru b’investiment mill-Housing Development Fund, amministrat mill-Awtorità tad-Djar.
“Dar li kienet abbandunata ġewwa Bormla, kellha bżonn rijabilitazzjoni, mhux biss illum qed tiġi trasformata f’dar apposta għall-ommijiet li għandhom diffikultà ta’ saħħa mentali flimkien ma’ uliedhom, fejn se jingħataw it-terapija li jingħataw l-għajnuna wkoll meħtieġa permezz ukoll tal-NGO Richmond li qed taħdem flimkien mal-Housing għal dan il-proġett.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif ir-residenza setgħet tiġi mgħammra bl-ogħla standards permezz tal-iskema tal-volontarjat.
“F’dawn l-aħħar għaxar snin kellna investiment ta’ €15-il miljun mal-għaqdiet volontarji biex huma jkunu jistgħu jwettqu proġetti ta’ fejda fil-komunitajiet. Nemmnu li s-saħħa mentali għandha tkun fuq nett tal-aġenda tagħna u hu ta’ pjaċir tagħna li naraw dan il-proġett mimli b’tant imħabba u b’tant dinjità, li se jħalli l-legat fil-komunità.”