28 pazjent li kienu jinsabu fl-Isptar Monte Karmeli u li kellhom diżabbiltà intellettwali jew il-Huntington’s chorea issa ġew trasferiti għal Casal Nuovo f’Raħal Ġdid.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern Għan-Nies hekk kif spjega li dan qed isir bħala parti mill-ħidma favur l-istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali.
Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru spjega kif Casal Nuovo f’Raħal Ġdid se tkun qed tesa 50 resident biex b’hekk fiż-żmien li ġej aktar pazjenti jiddaħlu ġewwa din il-faċilità.
Qal li f’Monte Karmelo baqa’ madwar mitejn pazjent.
Tenna wkoll kif fl-aħħar tliet snin ġew rilokati iżjed pazjenti f’istituzzjonijiet oħra mill-isptar Monte Karmeli: “Matul dawn l-aħħar tliet snin minn mindu bdejna u kellna l-consultation document ta’ din l-istrateġija u issa fl-ewwel sentejn tal-istrateġija, ir-residenti f’Monte Karmeli naqqasnihom bin-nofs. Jiġifieri matul dawn it-3 snin 250 resident li kienu ilhom snin u wħud għexieren ta’ snin ġewwa Monte Karmeli, ħriġniehom minn ġo dak l-isptar, qegħdin f’istituzzjonijiet oħrajn, xi wħud qegħdin fil-komunità oħrajn qegħdin f’shelter accomodation u hostels.”
Intant id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li l-Kabinett approva pjan sabiex sas-sena d-dieħla l-pazjenti li jkollhom bżonn kura akuta jiġu rilokati fi swali temporanji barra mill-Isptar Monte Karmeli u dan sakemm jinbena l-isptar tal-kura akuta tas-saħħa mentali fis-Swatar.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali Anton Grech spjega kif inhu ta’ benefiċċju għall-pazjenti li jiġu rilokati f’ambjent ta’ dar fejn jingħataw kura terapewtika minflok jibqgħu f’ambjent ta’ sptar.