Il-Prim Ministru, Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, inawguraw il-proġett ta’ riġenerazzjoni fid-daħla tal-Isla u r-restawr tas-Swar ta’ San Mikiel, b’investiment ta’ €4.5 miljun.
Dan il-proġett tmexxa mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC, u kien maqsum f’erba’ fażijiet, fosthom l-arloġġ ikoniku, l-gardjola u l-pavimentari ta’ Pjazza Mitrovich.
Inħadem ukoll mill-ġdid it-taraġ li jgħaqqad il-pjazza man-naħa tal-iskola, inħolqot pjazzetta ġdida u xogħlijiet estensivi fuq l-istrutturi li jagħtu aċċess lill-pubbliku għaż-żona tal-belvedere.
Il-Prim Ministru qal li dan il-proġett hu ieħor f’kullana ta’ proġetti ta’ investiment ta’ kwalità fil-Kottonera, hekk kif sostna li l-Viżjoni Malta 2025 titkellem dwar pajjiż ispirat mill-wirt storiku u mmexxi mill-progress, li jippromwovi kwalità ta’ ħajja b’saħħitha għal kulħadd.
Dan filwaqt li l-kunsilli lokali jibqa’ jkollhom rwol ċentrali biex inwettqu proġetti bħal dawn.
Dr Abela qal li dan hu proġett b’risq il-komunità fil-Port il-Kbir, li fil-passat qalgħet fuq rasha, iżda llum hi kalamita għal investiment ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru sostna li din hi t-tip ta’ bidla li għandna nkomplu naħdmu għaliha kuljum, iżda b’mod li tiġi esperjenzata b’bilanċ favur l-iżvilupp sostenibbli, biex il-komunità tgawdi l-aqwa kwalità tal-ħajja possibbli.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif b’dan il-proġett inħoloq spazju ieħor għan-nies li se jingħata l-ħajja bl-attività u l-kultura.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi qal li l-entità governattiva diġà qed tippjana proġetti oħrajn kbar li se jibdew fil-futur qrib f’lokalitajiet differenti.
Waqt it-twettiq ta’ dan il-proġett instabu wkoll xi kmamar li ġew trasformati f’ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani, iżda se jintuża wkoll għal wirjiet u attivitajiet soċjali oħrajn fil-lokal.
Din l-inawgurazzjoni ġiet indirizzata wkoll mis-Sindku tal-Isla, Clive Pulis, fejn esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għal meta jkun fost l-anzjani fit-toroq tal-Isla u jara l-ferħ f’għajnejhom hekk kif illum il-ġurnata jistgħu jerġgħu jgawdu dan il-Forti u l-veduta meraviljuża għal fuq il-Port il-Kbir minn żona estiża u msebbħa.
