Ġiet inawgurata blokka mkabbra u mmodernizzata fl-iskola sekondarja taż-Żejtun.
Dan bħala parti minn investiment ta’ ħames miljun ewro li qed jara t-tiġdid tal-blokok kollha f’din l-iskola.
Waqt żjara tal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana f’din l-iskola u l-blokka l-ġdida, magħrufa bħala blokka 4, ġie spjegat li din ġiet estiża billi nbena sular ieħor fuqha. Dan bħal ma qed isir fil-bqija tal-blokok fl-istess skola.
Fil-fatt permezz ta’ din l-estensjoni mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, żdiedu tlettax-il klassi kif ukoll tmien laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, żewġ klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-inġinerija u d-disinn.
Dwar dan u aktar tkellimna mal-Kap tal-Iskola Anna Spiteri Meilak hekk kif spjegat li dan il-proġett jrid jittieħed f’kuntest usa’ tal-proġetti li diġà tlestew u li għadhom qed isiru fil-blokok l-oħra: “Sa issa għamlina erba’ binjiet, ilna sentejn u nofs għaddejjin b’dan il-proġett u kull sular tagħna kmamar speċjalizzati li qabel ma kellniex, bħal-laboratorji tax-xjenza, kmamar vokazzjonali ta’ hairdressing ospitalità u iktar. Baqa’ Block 5 li qed tiġi ffinalizzata u viċin li ninawgurawha wkoll, is-sala li hawn warajna u l-outer area li qegħdin bħalissa fiha biex tieħu r-refurbishment li għandha bżonn.”
Blokka numru 1 u 2 tlestew fil-bidu tas-sena l-oħra, filwaqt li Blokka 3 tlestiet għall-bidu tas-sena skolastika 2020. Ix-xogħlijiet fuq il-blokka tal-amministrazzjoni, jiġifieri Blokka 5, qegħdin isiru bħalissa, filwaqt li l-landscaping taż-żoni miftuħin tal-iskola se jsiru wara.
Dan il-proġett qed isir f’fażijiet differenti. Sakemm isir ix-xogħol, numru ta’ studenti se jitgħallmu fi klassijiet temporanji. Dawn huma attrezzati bl-apparat kollu neċessarju għat-tagħlim, bħal kwalunkwe klassi oħra.
Dan qiegħed isir, kemm biex tingħata prijorità lis-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, kif ukoll biex l-istudenti jibqgħu jirċievu t-tagħlim tagħhom f’din l-iskola minflok ma jintbagħtu fi skola oħra.
Intant il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għax-xogħol li qed isir f’din l-iskola.
Tenniet li dan ix-xogħol jikkumpliment oħrajn li qed isiru fi skejjel oħra sabiex it-tfal u żgħażagħ Maltin u Għawdxin jingħataw l-aqwa edukazzjoni possibbli f’ambjent li jixraq: “Qed ninvestu ħafna fl-iskejjel tagħna mhux biss fl-infrastruttura imma wkoll anke fir-riżorsi kollha meħtieġa għaliex dan jimpatta b’mod dirett ukoll fir-rendiment akkademiku tat-tfal tagħna. Qed kif qed noffru infrastruttura li tindirizza l-ħiliet u l-bżonnijiet tat-tfal b’mod differenti.”