B’investiment ta’ nofs miljun ewro, ġiet inawgurata l-binja 1903 fiċ-ċentru sportiv fil-Marsa.
Din il-binja li kienet abbandunata u kkundannata, se tkun qed tilqa’ fiha lill-isportivi, fosthom tar-rugby u dawk li huma parti mill-programm ‘On the Move’.
Il-binja ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Isport Clifton Grima, li qal li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qed isiru f’din il-faċilità sportiva fil-Marsa.
Il-Ministru għall-Isport saħaq li din il-binja qed issalva l-partimonju nazzjonali ta’ pajjiżna.
Grima stqarr, “Dan kollu jikkumplimenta l-viżjoni ta’ SportMalta. Viżjoni li permezz tagħha rridu naraw li dawn l-akkwati jogħlew f’dak li huwa livell, fejn minn livell dilapitat, irridu mmorru għal-livell internazzjonali illi fih pajjiżna ħa jkun propju fix-xhur li ġejjin jospita avvenimenti ta’ livell internazzjonali.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar spjega li bħalissa qed isir investiment ta’ seba’ mijun ewro fil-Marsa, f’ċentru għall-ġinnastika u ieħor għall-isquash u l-weightlifting.
Cutajar tenna, “Barra minn hekk imbagħad id-dawra kollha se jkollha l-korsa taż-żwiemel, li se ssir flimkien mal-privat u allura dawn l-erba’ proġetti flimkien se jkunu qed jagħmlu verament Marsa, ċentru ta’ eċċellenza.”
Ic-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil qal kif l-obbligu ta’ SportMalta huwa li tkompli tagħti s-sapport lill-atleti bl-aqwa infrastruttura.